Sitt snin wara il-wegħda li s-sit tal-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex kellha tinbidel f’Park tal-Familja, ix-Xagħrin u l-Għawdxin għadhom jistennew.
Mhux talli hekk, talli ftit tal-ġimgħat ilu, il-Wasteserv reġgħet għamlet applikazzjoni urġenti sabiex tingħata permess biex terġa tibda tiddisponi minn skart propju f’dan is-sit.
Dan qalu id-Deputat Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza għall-ġurnalisti li ta llum fuq is-sit tal-Qortin. Said semma lill-Qortin bħala waħda miż-żewġ ġrieħi t’Għawdex – bl-oħra tkun in-nixxiegħa tad-drenaġġ minn għadd ta’ postijiet madwar il-kosta Għawdxija.
Chris Said tkellem dwar il-mozzjoni li ressqu f’Jannar il-kunsilliera Nazzjonalista Anthony Attard u Kevin Cutajar fix-Xagħra sabiex il-Gvern iwaqqaf minnufih it-tfigħ ta’ skart f’dan is-sit u sabiex jitlesta l-proġett tal-Park tal-Familja kif kien imwiegħed li jsir.
Kellhom ikunu iż-żewġ kunsilliera Nazzjonalisti sabiex il-Gvern jirrevoka il-permess tal-użu tal-Qortin bħala miżbla. Dan għaliex il-kunsillier Laburisti Xagħrin, inkluż is-Sindku @Joe Cordina, astjenew mill-vot f’din l-mozzjoni. Jiġifier naqsu milli jiddefendu l-interessi tar-residenti Xagħrin f’din il-kwestjoni.
Intant, il-Park għadu mitluq u s-siġar li kienu inzergħu fil-bidu tal-proġett u li għalih intużaw fondi tal-Unjoni Ewropea, jinsabu fi stat ta’ abbandun. Dan ukoll minkejja investiment li sar biex inbniet ġiebja. Din il-ġiebja kellha l-għan li tissupplixxi ilma għat-tisqija tas-siġar fis-sit. Il-ġeibja tlestiet f’Awwissu tal-2015. Sal-lum din il-ġiebja ma ntużat qatt.
Flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, indirizzaw din il-konferenza wkoll il-kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista fix-Xagħra Anthony Attard u Kevin Cutajar li tkellmu dwar dan is-sit u dwar l-impenn tagħhom sabiex iħarsu l-interessi tax-Xagħrin u l-Għawdxin minkejja l-ħafna d-diffikultajiet li jiffaċċjaw.
Fl-għeluq tal-konferenza, Chris Said, qal li huwa jistenna li sitt snin wara li nbeda dan il-proġett, il-Gvern ħalla li dan is-sit jibqa fl-istat mitluq li hu mingħajr ma jista jitgawda mill-familji Għawdxin.
//= $special ?>