Internazzjonali

Brexit: Disfatta oħra għal May fil-House of Commons

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ġarrbet telfa oħra waqt l-aħħar vot, fil-House of Commons (Parlament) ta’ Londra, dwar il-mod kif hi beħsiebha tikkonfronta l-istrateġija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ( Brexit).

Wara t-telfa — bi 303 vot kontra 258 — il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, ħeġġeġ biex May tammetti li hi ‘falliet l-istrateġija tagħha għall-Brexit’.

Intant, id-deputati ‘ribelli’ mal-Partit Konservattiv fil-Gvern astjenew waqt li qalu li l-mozzjoni tal-Gvern kien qed jimplika li mgħandux ikun aċċettat no-deal Brexit. Min-naħa tagħhom, il-Ministri qalu li ma kien hemm l-ebda każ ta’ Brexit mingħajr ftehim u li din it-telfa għandha tikkumplika l-affarijiet għal Theresa May waqt it-taħditiet futuri mal-Unjoni Ewropea.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Londra akkuża lil Corbyn għat-telfa fost kumment li ‘hu, mill-ġdid aġixxa minn lenti partiġġjana minflok ma ħa każ l-interess nazzjonali’ — u wara li Corbyn ivvota kontra l-mozzjoni tal-Gvern.

L-istess kelliema qalu li l-Prim Ministru May se tkompli tfittex il-bidliet li jorbtu legalment għall-backstop kontroversjali (relatata mal-Brexit) li tirrigwarda l-fruntiera Irlandiża. Dan bħalma jridu d-deputati f’Londra skont il-vot preċedenti tad-29 ta’ Jannar fil-House of Commons.