It-tim Britanniku ta’ McLaren introduċa l-karozza li se jkun qed jikkompeti biha fl-istaġun tal-Formula 1 tal-2019 waqt li enfasizza d-determinazzjoni li ‘juri titjib minkejja li t-tim jinsab fi stadju ta’ tiġdid u żvilupp kontinwu li jaħseb ukoll fis-snin ta’ wara’.
Il-McLaren kellu t-tieni l-anqas karozza veloċi għal ħafna mill-istaġun li għadda iżda rnexxielu jagħlaq il-kampjonat fis-sitt post – grazzi għall-isforzi tas-sewwieq Spanjol, Fernando Alonso.
Issa, Alonso (darbtejn champion tad-dinja) spiċċa mill-Formula 1 u bħala sewwieqa ġodda għall-istaġun li ġej McLaren għandhom lil Carlos Sainz u Lando Norris.
Zak Brown, il-Kap Eżekuttiv ta’ McLaren Racing, qal li t-tim qed iħares ‘il quddiem għall-esperjenza ġdida waqt li jħejji għal ‘vjaġġ interessanti’ fix-xhur li ġejjin.
Intant, Carlos Sainz, li ssieħeb lil McLaren mingħand Renault, qal li t-tim ġdid tiegħu mhux ifassal tragwardi ċari għall-istaġun li ġej qabel jaraw ir-riżultati tal-ġimgħa d-dieħla waqt it-taħriġ bil-karozza ġdida (matul il-pre-season) fi Spanja. Iżda hu sostna li ‘jinsab tassew ippreparat għall-istaġun li jmiss’ u li t-tim – li għandu passat glorjuż f’dan l-isport — se jagħmel l-almu biex juri li jinsab mill-ġdid fit-triq it-tajba.
Lando Norris – li fl-età ta’ 18-il sena qed jiddebutta fil-Formula 1 – jaf li hemm element qawwi ta’ aspettativa u qal li se jagħmel l-aħjar tiegħu biex jagħti wirjiet tajbin.
Norris – li hu fost l-aktar talenti żgħażagħ promettenti fid-dinja tal-motorport — qal li t-taħriġ tiegħu issa jinsab f’livell ogħla u differenti minn qabel u li dan jinħass aktar minn aspett mentali. Madankollu, iż-żgħażugħ ma ħalliex dubju li ‘hu jinsab lest għall-ewwel tellieqa tal-istaġun ġdid (fl-Awstralja)’ u meta hu anki ħerqan li jkun l-ispalla ta’ Sainz, bil-għan li t-tim jirritorna għar-rebħ wara nuqqas ta’ snin.
Il-karozza ġdida tal-McLaren – l-MCL34 – tinkorpora aspetti aerodinamiċi innovattivi, b’Gil De Ferran, bħala d-Direttur Sportiv ġdid, jaċċenna ‘għall-entużjażmu kbir fost il-membri tat-tim u l-aspettattiva li dan jista’ ikun staġun memorabbli’.
Hu sostna l-importanza li t-tim jikkollabora aħjar bil-għan li jilqa’ l-isfidi fil-programm u li ‘l-affarijiet it-tajbin jaslu waħedhom dment li t-tim jistinka b’sens ta’ umiltà waqt li jikkonċentra fuq l-impenji immedjati ta’ quddiemu’.
//= $special ?>