Id-difensur Spanjol u captain ta’ Real Madrid, Sergio Ramos jista’ jispiċċa sospiż għal logħba addizzjonali – b’dan ifisser li l-Madrilenos kapaċi, ‘il quddiem, jiffaċċjaw l-ewwel leg ta’ kwarti-finali ( f’din il-kompetizzjoni) mingħajr is-servizzi tiegħu. Dan wara li Ramos ammetta li hu weħel karta safra ‘apposta’ fir-rebħa, 2-1, ta’ Madrid fuq l-Ajax waqt l-ewwel leg tal-konfront tal-aħħar sittax fl-Amsterdam Arena.
Ramos intwera l-karta fid-89 minuta, ftit wara l-gowl tar-rebħa. Peress li din kienet it-tielet darba li d-difensur kellu ismu meħud minn referi f’din il-kompetizzjoni, hu se jkun sospiż mit-tieni leg tal-konfront ma’ Ajax, f’Madrid, fil-5 ta’ Marzu.
F’ċirkostanzi ‘normali’ – u f’każ li Real Madrid jgħaddu għall-kwarti-finali – plejer fis-sitwazzjoni ta’ Ramos ma jkollux għalfejn jinkwieta li jitlef aktar logħob fl-aħħar fażijiet taċ-Champions League minħabba nuqqasijiet dixxiplinarji preċedenti.
Iżda Ramos, waqt intervista straordinarja wara l-logħba f’Amsterdam, żvela li hu ‘kelli ismu meħud ( mir-referi) b’intenzjoni’ u meta azzjoni bħal din tmur kontra r-regoli tal-UEFA fejn il-plejer ħati jista’ jispiċċa sospiż għal logħba addizzjonali.
‘Meta nħares lejn ir-riżultat inkun qed nigdeb jekk ngħid li ma weħiltx karta safra b’intenzjoni u wara li jien iddeċidejt li nieħu dik id-deċiżjoni diffiċli,’ qal Ramos, li kien qed jilgħab is-600 logħba tiegħu għal Real Madrid.
Intant, Ramos, wara l-intervista, ipprova jimminimizza l-impatt ta’ kliemu fejn, f’messaġġ fuq Twitter, qal li ‘iddispjaċih’ li se jitlef it-tieni leg ma’ Ajax fi Spanja.
Il-captain ta’ Real kiteb li ‘f’logħba mimlija tensjoni, kull plejer irid deċiżjoni fi spazju ta’ sekondi u filwaqt li hu ( Ramos) jinsab ferħan bir-riżultat, mhux kuntent li se jitlef it-tieni konfront ma’ Ajax minħabba mument jaħraq partikulari lejn l-aħħar tal-ewwel leg’.
Id-difensur ta’ Real Madrid, Dani Carvajal, fl-istaġun li għadda, kien spiċċa penalizzat mill-UEFA talli ħa safra ‘b’intenzjoni’ waqt il-logħba kontra APOEL Nicosia, fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League. Il-kumitat dixxiplinarju tal-UEFA kien issospenda lil Carvajal għall-aħħar logħba (ta’ Real) fil-grupp kontra Borussia Dortmund, kif ukoll għall-ewwel leg, fil-fażi tal-Aħħax Sittax, kontra Paris St Germain.
//= $special ?>