Il-klabb tal-Premier Ingliż, Manchester United, ħallas 19.6 miljun Sterlina f’kumpens lill-eksmanager, Jose Mourinho, u l-istaff tiegħu, wara t-tkeċċija tal-Portugiż f’Diċembru li għadda.
L-ammont kien żvelat waqt rendikont tar-riżultati finanzjarji tal-klabb ( għal perjodu definittiv) li ngħataw lill-Borża ta’ New York fl-aħħar sigħat.
Jose Mourinho tneħħa minn manager ta’ United wara sensiela ta’ riżultati fqar, b’mod partikulari t-telfa kbira li r-Red Devils sofrew ma’ Liverpool f’Anfield u li ħalliethom ( dak iż-żmien) b’distakk ta’ ħdax-il punt mar-raba’ tim fil-klassifika tal-Premier League.
Taħt it-tmexxija ta’ Ole Gunnar Solskjaer, United, issa, telgħu r-raba’ fil-Premier wara li rebħu għaxra mill-aħħar ħdax-il logħba fil-kampjonat.
Stqarrija marbuta mal-aħħar riżultati finanzjarji ta’ Manchester United rreferiet għal ‘ammonti ( ta’ flus) eċċezzjonali li jammontaw għal 19.6 miljun Sterlina bħala kumpens lill-eksmanager u membri tal-istaff tal-kowċing tiegħu li tilfu l-karigi li kellhom’.
Jose Mourinho kien laħaq manager ta’ Manchester United f’Mejju tal-2016 u taħtu, ir-Red Devils rebħu League Cup u l-Europa League, fis-sena ta’ wara. F’Jannar tal-2018, Mourinho kien iffirma estenzjoni għall-kuntratt sal-2020, b’għażla għal sena addizzjonali.
Intant, Ed Woodward, bħala l-Viċi-Chairman eżekuttiv tal-klabb, qal li l-ħatra ta’ Solskjaer bħala manager proviżorju tat-tim ( b’Mike Phelan bħala assistent) ‘ħalliet impatt pożittiv kbir madwar il-klabb’ u meta hu jinsab ottimist li ‘Manchester United se jkollhom tmiem tal-istaġun qawwi’.
//= $special ?>