Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici seta’ qalilna meta l-Gvern Laburista se jibda jaħtar l-imħallfin u l-maġstrati b’mod indipendenti.
Seta’ qalilna meta l-Gvern Laburista se jneħħi l-irwol doppju tal-Avukat Ġenerali u meta se jwaqqaf l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali.
Seta’ qalilna meta l-Gvern Laburista se jnaqqas il-poteri fl-appuntar li għandu l-Prim Ministru Joseph Muscat fir-rigward ta’ kummissjonijiet indipendenti u s-segretarji permanenti.
Hekk tgħid stqarrija tal-Partit Nazzjonalista iffirmata mill-Kap Adrian Delia, li hu l-Kelliem tal-PN għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba.
L-istqarrija tgħid li minflok Owen Bonnici għażel li jgħidilna biex nibqgħu siekta u b’ħalqna magħluq kemm fil-Parlament Malti u fil-Parlament Ewropew.
L-istqariija tkompli li l-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jiddefendi l-interessi u l-valuri tal-Maltin.
Lill-Ministru Owen Bonnici ngħidulu biex hu wkoll ixammar il-kmiem u jibda’ jimplimenta ir-riforma tant meħtieġa fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
L-istqarrija ttemm tgħid li din hija r-raġuni għalfejn in-nies eleġġew lid-deputati fil-Parlament u għalfejn il-Partit Nazzjonalista stinka biex pajjiżna jkun membru tal-Unjoni Ewropea. Jidher biċ-ċar issa għalfejn il-Partit Laburista tant ħadem biex iżommna barra mill-Ewropa; il-post naturali ta’ Malta.