Lokali

Il-Bank fi proċess biex jirkupra l-flus kollha nieqsa

Il-BOV xejjen l-attakk fuqu u jkompli jipprepara għal kull eventalità

Wara x-xokk u l-mumenti ta’ paniku li ħakmu l-Bank of Valletta nhar l-Erbgħa li għadda meta xi ħadd mhux magħruf ipprova jagħmel hacking tas-sistema tal-Bank, matul il-ġurnata tal-lum is-sitwazzjoni bankarja rritornat għal kważi n-normal.

Sa minn meta l-Erbgħa filgħodu – preċiżament fit-8.15am – kien magħruf li xi ħadd kien qed jipprova jagħmel hacking tas-sistema tal-Bank of Valletta, il-Bank imbarka fuq ħidma immedjata mhux biss biex waqqaf is-sistema bankarja kollha, iżda ftit ftit, wara ammont ta’ sigħat, reġa’ beda jġib lura għan-normal is-sistema bankarja tiegħu.

Dalgħodu s-sit NetNews iltaqa’ ma’ Kenneth Farrugia u Charles Azzopardi, iċ-Chief Business Development Officer u l-Executive PR & Marketing rispettivament tal-Bank of Valletta, li spjegaw fid-dettal dak li għadda minnu l-Bank of Valletta fl-aħħar 24 siegħa.

Huma fissrulna li kollox beda nhar it-Tlieta filgħodu meta grazzi għas-sistema ta’ kontrolli kien magħruf li xi ħadd qed jipprova jagħmel hacking mis-sistema bankarja tal-Bank. Minħabba li ma kienx magħruf tramite liema sistema kienet qed issir din il-hacking, il-Bank, fi żmien ta’ ftit minuti, iddeċieda li jitfi s-sistema bankarja kollha bħala miżura ta’ kontroll assolut.

Ġara li kien konfermat li xi ħadd kien qed jipprova jagħmel hacking ta’ xi sistema tal-Bank u għalhekk il-Bank of Valletta ried jassigura li dan ma jsirx. Kien hemm b’kollox ħdax-il talba għal ħlasijiet ta’ somom ta’ flus li b’kollox kienu jammontaw it-€13-il miljun. Dawn jistgħu jkunu deskritti bħala talbiet fittizji għal ħlastijiet.

L-Uffiċjali tal-Bank spjegaw li huma investigaw minn min kienu qed isiru dawn it-talbiet u kien stabbilit li l-hacker hu wieħed li għamel ħdax-il talba. Irriżulta wkoll li dan ma kienx klijent tal-Bank. Kien għalhekk li ntfew is-sistemi kollha tal-Bank biex hemm ma kienx aktar possibbli li jsiru transazzjonijiet jew operazzjonijiet bankarji.

Kenneth Farrugia u Charles Azzopardi, filwaqt li qalu li din hi l-ewwel esperjenza tax-xorta tagħha għall-Bank of Valletta minn kemm ilu jiffunzjona, komplew li l-Bank għandu ħafna mezzi li jagħrfu tipi ta’ hacking biex hekk jilqgħu għal tali sitwazzjoni. Jidher li dan kien xi tip ġdid li allura l-Bank irid jilqa’ għalih ukoll biex dak li ġara nhar l-Erbgħa ma jerġax jiġri. Fil-fatt dak li ġara nhar l-Erbgħa wera li l-Bank hu ppreparat biex jaġixxi minnufih ħalli jassigura li ma jkunx hemm hacking fil-konfront tiegħu. Iżda dak li ġara nhar l-Erbgħa jkompli jistimula lill-Bank biex jissokta jagħmel aktar investimenti biex jassigura aktar kontrolli fis-sistema bankarja tiegħu.

Mistoqsija jekk l-attentat ta’ hacking sarx lokalment jew minn x’imkien lil hinn minn xtutna, Kenneth Farrugia u Charles Azzopardi qalu li l-investigazzjonijiet f’dan ir-rigward għadhom għaddejjin. Huma ikkonfermaw li anki l-Pulizija intervjenew mill-ewwel u huma wkoll qed jinvestigaw dan l-att kriminali fil-konfront tal-Bank of Valletta.

Huma qalu li meta riedu jassiguraw li ma jkunx hemm transazzjonijiet bankarji oħra kienu qed jirriferu għall-ATMs, għall-Cards, għall-Internet Banking u anki għall-Mobile Banking. Dawn kollha ntfew sakemm bil-mod il-mod is-sistema reġgħet bdiet ġejja lura għan-normal. “Iva, għamilna switch off komplut bħala prekawzjoni u kontroll assolut.”

Huma qalulna wkoll li matul il-ġurnata tal-bieraħ is-sistema bankarja kważi kollha rritornat għan-normal, għajr għal pagamenti lil terzi persuni jew kumpaniji fejn is-sistema għadha ma rritornatx għan-normal. “Aħna ma ħadna l-ebda riskju fl-operat tagħna.”

L-Uffiċjali tal-Bank of Valletta komplew li f’dan l-istadju l-Bank qiegħed jinvestiga dan l-attentat innifsu. Qiegħed ukoll jagħmel re-call tas-sistema kollha u wkoll fil-fażijiet finali biex il-ħlasijiet kollha jirritornaw lura għan-normal. “Aħna rridu li nkunu ppreparati għal kull eventwalità.
L-Uffiċjali tal-Bank of Valletta, li jħaddem aktar minn 1,800 persuna, temmew jirringrazzaw lill-istaff kollu li ħadem qatigħ dwar dan l-inċident serju u qalu li l-Bank hu kburi li f’dan il-mument diffiċli l-ħaddiema kollha wieġbu għas-sejħa tal-Bank biex flimkien waqfu lil min ried jinganna lill-Bank.