Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid li setturi bħall-biedja jgawdu minn aktar fondi Ewropej

Fil-proposti tiegħu għal setturi importanti bħall-biedja, il-Partit Nazzjonalista ma jridx ikun ta’ piż fuq il-pajjiż, tant li qed jara kif dawn igawdu minn finanzjamenti li jiġu direttament mill-Unjoni Ewropea. Dan għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista, li qed jagħżel minn rajh li ma jagħmilx il-parti tiegħu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel f’razzett li jrabbi l-Majjali Maltin f’Ħaż-Żebbuġ. Hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli, mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius u mid-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo.

Il-Gvern qed jagħti l-messaġġ ċar li ma jinteressahx mis-settur tal-biedja, tant li jrid li dan is-settur jispiċċa għalkollox meta qed jagħżel li ma jagħmel xejn. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta s-soluzzjonijiet bil-proposti li ppreżenta fl-aħħar jiem, b’Adrian Delia wiegħed li mistennija jitħabbru aktar proposti bħal dawn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex isaħħaħ l-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet, fost l-oħrajn b’inċentivi. Adrian Delia qal li l-Gvern irid jara li jelimina kwalunkwe kompetizzjoni inġusta, fosthom bl-użu’ tat-tabella tal-Prodott Malti meta dan ma jkun Malti xejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar l-impenn tal-bdiewa Maltin u Għawdxin f’ħidmiethom. U hu propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed iżur dawn il-postijiet … biex b’hekk jifhem aħjar id-diffikultajiet li dawn ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom.

Min-naħa tiegħu, sid ir-razzett spjega diffikultajiet li jsib mill-awtoritajiet lokali, fost l-oħrajn billi ma jingħatawx sussidji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, minkejja l-impenn tagħhom li l-majjali jinżammu fl-aħjar stat possibbli. Fost l-oħrajn, il-majjali ż-żgħar ikollhom bżonn is-sħana u dan qed ikun ta’ dannu finanzjarju għas-sidien.

Hu appella għall-għajnuna biex il-politiċi jgħinuhom ikomplu jaraw li l-prodott Malti jissaħħaħ fis-swieq.

Il-bidwi qal li dawk li bħalu jrabbu l-Majjal Malti qed iħossuhom diskriminati mill-mod kif jiġu trattati min bħalhom jagħmel dan ix-xogħol f’pajjiżi oħrajn. Li kieku l-Maltin jingħataw l-istess privileġġi, ikunu jistgħu jraħħsu l-prezzijiet.

Minn 150 bidwi spiċċaw 90, li qed irabbu biss terz ta’ kemm kienu jitrabbew qabel għax għalihom, dan ma baqax negozju sostenibbli.

Sadanittant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar ukoll razzett ieħor, fis-Siġġiewi. Hawnhekk seta’ jara u anke jduq uħud mill-prodotti ġenwini Maltin, frott sigħat twal ta’ ħidma mill-bdiewa Maltin.