Lokali Unjoni Ewropea

Risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ministru Owen Bonnici u Cyrus Engerer

Il-Ministru Owen Bonnici quddiem il-Kumitat TAX3 tal-Parlament Ewropew
Stqarrija mill-MEPs tal-PN David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech

Waqt id-dibattitu fil-Parlament Ewropew li ffoka fuq il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus f’Malta, ħadd mill-Membri tal-Parlament Ewropew preżenti ma emmen dak li qal il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici. Dan għaliex, minflok m’ammetta li fl-ogħla karigi tal-Gvern hemm problema ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus, pprova jagħti l-impressjoni li ma teżisti l-ebda problema. Dan meta kulħadd, l-MEPs, il-ġurnalisti u l-poplu Malti u Għawdxi, jafu li mhux minnu.

L-MEPs mill-gruppi politiċi kollha m’għandhomx bżonn lilna biex ikunu jafu li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama, s-sid tal-kumpanija sigrieta 17 Black huwa Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija li hija parti mill-konsorzju li ntgħażel biex jibni u jħaddem u l-power station il-ġdida f’Delimara, l-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti qed tqajjem dubji minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza u r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma ġiex ippubblikat b’mod sħiħ.

Dawn huma fatti li jafhom kulħadd u li ma jista’ jmerihom ħadd, u għalhekk ħadd m’emmen lil Owen Bonnici.

Malta mhix il-ftit politiċi korrotti, iżda l-poplu kollu, poplu onest, ħabrieki u kburi bl-identità ta’ pajjiżu. Issa, għax spiċċa mhux emmnut, Owen Bonnici għażel li jibda jattakkana u jgħajjarna. Xejn ġdid. Kif jgħid il-Malti, bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti. U filwaqt li Owen Bonnici qiegħed fuq in-naħa tal-kliem, aħna nagħżlu li nkunu fuq in-naħa tal-fatti.