It-tennisa Russa Maria Sharapova – rebbieħa ta’ ħames tournaments Grand Slam – qalet li ‘qed ikollha tiffaċċja l-ġranet iddominati bl-uġigħ’ wara li rtirat mit-tournament tal-Indian Wells Open ( magħruf ukoll bħala l-BNP Paribas Open) li se jsir ix-xahar id-dieħel ġewwa Kalifornja, fl-Istati Uniti.
Sharapova, li għandha 31 sena u li qed tbati minn injury fi spallitha, issa rtirat minn tnejn fost it-tliet avvenimenti tat-tennis li parteċipat fihom minn wara l-US Open ta’ Settembru.
Hi tkellmet dwar l-injury tagħha u fissret li dan kien fattur li kellha tiffaċċja matul is-sena li għaddiet u li għadha qed tbatih bih illum. Dan meta t-tabib tagħha qalilha li ‘għandha sitwazzjoni fejn il-kontroll tal-uġigħ irid isir minn ġurnata għall-oħra’.
Ix-xahar li għadda, Sharapova kienet għelbet lil Caroline Wozniacki ( iċ-Champion) biex għaddiet għar-raba’ rawnd tal-Australian Open qabel tilfet kontra Ashleigh Barty.
Hi imbagħad irtirat mis-St. Petersburg Ladies Trophy lejn l-aħħar ta’ Jannar.
Intant, hi, issa, qed tinsisti li l-injury fi spallitha ma jistax jitqies bħala xi ħaġa sigrieta, speċjalment wara l-aħħar xhur, u li dan qed ikompli jtellifha milli tkun fl-aħjar forma fiżika għall-impenji ta’ wara l-US Open.
Fl-istess ħin, Sharapova qalet li qed tiffaċċja kuljum din is-sitwazzjoni fost it-tamiet li hi tegħleb il-problema bil-għan tirritorna fil-quċċata tat-tennis.
//= $special ?>