Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech iwassal għal ftehim fuq liġi ġdida li tipproteġi l-SMEs

Il-konsumaturi se jgawdu minn għażla aktar wiesgħa u deals aħjar online

Kmieni dalgħodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE laħqu ftehim politiku fuq liġi ġdida li tassigura ambjent online li jkun aktar ġust u trasparenti għan-negozji li jużaw il-pjattaformi online biex jilħqu lill-konsumaturi.

Zammit Dimech kien ir-Rapporter u mexxa n-negozjati f’isem il-Kumitat tal-Affarijiet Legali, li flimkien mal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur kien responsabbli li jirrappreżenta l-Parlament Ewropew waqt in-negozjati.

Matul l-aħħar ġimgħat, Zammit Dimech ikkonsulta ma’ stakeholders f’Malta biex jassigura li l-liġi l-ġdida tirrifletti l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tal-SMEs, is-settur tal-ospitalità u l-konsumaturi.

Wara r-raba’ u l-aħħar trilogue, Zammit Dimech qal: “Dan hu pass importanti għall-SMEs Maltin, għaliex jagħti protezzjoni mill-ġganti l-kbar u jassigura kompetizzjoni ġusta online, kif ukoll fi swieq tal-konsumatur minn pajjiż għall-ieħor. Intlaħaq ukoll l-għan importanti għall-konsumaturi b’mod partikolari dawk li jibbukjaw lukanda jew titjira online. Din il-liġi tassigura li l-konsumaturi jingħataw verament l-aqwa deals meta jkunu qed ifittxu għal prodotti u servizzi online.”

Zammit Dimech qal li simili għal xejriet fl-UE, il-pjattaformi online f’Malta qed jiżdiedu u dan jenfasizza l-importanza ta’ din il-liġi. Hu qal li l-kuntratti fis-settur bejn pjattaformi u negozji għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji tal-ġustizzja u bona fide. Zammit Dimech fakkar kif anke din il-ġimgħa stess, sidien ta’ ħwienet li jbiegħu anke online kellmuh dwar prattiċi inġusti. Zammit Dimech qal li l-liġi se tipprovdi ċertezza legali għal ambjent ta’ negozju online li jkun sostenibbli. Dan hu kruċjali biex jiġi assigurat li ma ssir ebda ħsara lin-negozji u li jkun hemm fiduċja fl-ambjent tal-pjattaformi online fl-UE.

Waqt in-negozjati, Zammit Dimech ipproteġa lil dawk li jużaw in-negozji ż-żgħar kontra prattiċi inġusti, u dan għaliex issa prattiċi inġusti mhux se jitħallew fis-seħħ u ma jkunux jistgħu jintużaw minn pjattaformi. Hu assigura wkoll trasparenza fil-klassifikazzjoni li tintuża mill-pjattaformi, u għalhekk prominenza għandha tingħata lil prodotti u servizzi li ma jkunux qed jabbużaw mill-poter tal-pjattaforma jew kompetizzjoni inġusta. L-informazzjoni miġbura mill-pjattaforma bħala riżultat tal-attività kummerċjali tan-negozju għandha tkun disponibbli għan-negozji rispettivi. Dan hu kruċjali għas-settur tal-ospitalità u se jassigura servizz aħjar u marketing li jkun immirat.

Il-liġi tipprovdi wkoll diversi salvagwardji għall-SMEs, inkluż id-dritt li wieħed ikun infurmat jekk ikun hemm bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi, kif ukoll il-possibilità li jiġi terminat ftehim mingħajr ebda ħlas jekk ikunu saru bidliet mill-pjattaforma li jkunu ta’ detriment għan-negozji. Id-deal isaħħaħ ukoll is-sistema li tieħu ħsieb l-ilmenti interni, u li se twassal għal trattament ugwali tan-negozji mingħajr effetti ħżiena fuq in-negozji li jużaw is-sistema.