Lokali

Abbandunata l-wegħda ta’ skola ġdida fis-sena

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkofnerma anke fil-Parlament li l-Gvern abbanduna l-wegħda li jibni skola ġdida kull sena.

Dan hekk kif, meta wieġeb lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli, il-Ministru semma’ biss tliet skejjel, li tnejn minnhom diġa kienu mwegħda matul il-leġiżlatura li għaddiet.

Dawn huma l-iskola Primarja tal-Qawra, li suppost ilha lesta imma minflok l-istudenti spiċċaw jitgħallmu f’kontejners u l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex li ilha mwegħda mil-leġiżlatura li għaddiet – zewġ proġetti li t-tlestija tagħhom ilha żmien tiġi posposta.

Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo jammetti wkoll li waqa’ lura sew il-proġett tal-iskola primarja ġdida tal-Imsida, li dwarha lanqas kien kapaċi jagħti żmien dwar meta se titlesta.

Tant hu hekk li ammetta li l-proġett għadu qed jistenna li jinħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtorità għall-Ippjanar. Dan hekk kif il-binja tal-iskola ġiet skedata u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qed tapella mid-deċiżjoni.

Net News fl-aħħar jiem kien ikkuntattjat fost oħrajn minn ġenituri li lmentaw li ilhom xhur b’uliedhom jattendu fi skejjel oħra, fosthom f’Santa Venera, minħabba din is-sitwazzjoni.

Dan l-ahhar, il-Ministru tal-Edukazzjoni kkonferma wkoll li anke x-xogħol fl-Iskola taż-Żejtun waqa’ lura, u li hemm il-pjan li anke hawn l-istudenti jintefgħu f’kontejner biex jitgħallmu.