Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, se tippersisti bl-isforzi tagħha biex taċċerta minn ftehim rivedut għall-Brexit minkejja li tilfet l-aħħar vot (fir-rigward ta’ dan il-ftehim) fil-House of Commons, jew il-Parlament ta’ Londra.
Fl-istess ħin, May beħsiebha tirritorna fi Brussell ‘fi kwistjoni ta’ jiem’, bit-tama li tiżblokka din is-sitwazzjoni delikata. Dan meta r-Renju Unit hu programmat li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Marzu.
Id-deputati f’Londra, waqt il-vot tal-Ħamis bil-lejl, ma aċċettawx (bi 303 voti kontra 258) – mozzjoni li kellha ssostni l-istrateġija tal-Gvern għall-Brexit, b’66 deputat tal-Partit Konservattiv fil-Gvern jastjenu.
Fost id-deputati li kienu kontra l-mozzjoni kien hemm il-back benchers Konservattivi tal-European Research Group; u l-Ministru għall-Kummerċ, Richard Harrington, ikkundanna lill-istess deputati għall-‘att ta’ tradiment’.
Intant, l-aħħar disfatta għall-Gvern ma għandha l-ebda forza legali, fost rapporti li May diġà qed taħseb biex tkompli bin-negozjati fi Brussell. Meta tkellmet fuq il-programm ‘Radio 4’ tal-BBC, il-Prim Ministru qalet li t-telfa tal-aħħar vot mhix id-diżastru li qegħdin jirreferu għalih xi wħud, filwaqt li sostniet li hi se tkompli bl-impenn għall-ftehim rivedut dwar il-Brexit.
May, fost oħrajn, se tkompli tfittex il-bidliet li jorbtu legalment għall-backstop – il-klawsola li taċċerta li ma jkun hemm l-ebda fruntiera riġida bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża – bil-għan li l-Parlament ta’ Londra jappoġġja l-ftehim finali.
Min-naħa tagħha, Andrea Leadsom, bħala l-Leader tal-House of Commons, akkużat lill-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni li ppersista bil-politika partiġjana bil-għan uniku li jegħleb lill-Gvern fl-aħħar vot.
Dan meta l-osservaturi sostnew li l-Laburisti Britanniċi huma aktar ħsiebhom fil-gwadann politiku tagħhom milli fl-interess nazzjonali.
//= $special ?>

