Lokali

FENECH FARRUGIA TWIEĠEB: “Jekk operatur kienet se tiżdiedlu l-kwota, ovvja li kien se jkollu jagħmel pagamenti lili bħala Direttur”

Ma tweġibx jekk għadx għandha aċċess għall-uffiċċju tagħha fid-Dipartiment tas-Sajd

“Niċħad kategorikament illi jien qatt tlabt jew irċevejt xi flus għalija personali. Hu ovvju li dawn kienu se jintalbu, kif filfatt intalbu, jagħmlu ħlasijiet lid-Dipartiment li jien kont nippreżenta, u dan skond il-liġi. Il-ħlasijiet uffiċjali kienu jsiru lili bħala Direttur, u huwa daqstant ovvju li jekk operator kienet se tizdiedlu l-kwota kien se jkollu jaghmel il-pagamenti neċessarji lili bħala Direttur, u dan skond iż-żieda, skond il-liġi”.

Hija din it-tweġiba li talbitna nippubblikaw bi prominenza Andreina Fenech Farrugia, il-persuna li dwarha ħarġu allegazzjonijiet serjissimi fejn jidħol l-iskandlu tat-tonn, li ilu li faqqa’ mis-sena li għaddiet – skandlu li qed jittieħed b’serjeta’ kbira mill-Europol. Allegazzjonijiet li komplew jeskalaw din il-ġimgħa wara li l-media Spanjola kixfet telefonati bejn Fenech Farrugia u Jose Fuentes, operatur ewlieni tat-tonn fi Spanja.

Fit-tweġiba tagħha, Fenech Farrugia imkien ma ssemmi lil Fuentes. Hi qed tibqa’ tiċħad dawn l-allegazzjonijiet ta’ tixħim.

“Niddikjara illi jien dejjem imxejt b’mod professjonali, etiku u ġust u skont il-liġi fit-twettiq tad-doveri tiegħi u dejjem imxejt b’sens ta’ imparzjalita u ġustizzja mal-operaturi kollha u l-individwi involuti fis-settur”.

Andreina Fenech Farrugia qatt ma qalet li l-konverżazzjonijiet huma foloz, imma insistiet li l-allegazzjoniijiet huma bbażati fuq summaries ta’ “allegati konverżazzjonijiet telefoniċi, li mhux biss jien ma nistax nikkonferma li għamilt, pero agħar minn hekk mhumiex traskrizzjonijiet kelma b’kelma tal-allegati telefonati iżda, verżjonijiet mqassra li setgħu ġew misinterpretati, meħuda out of context jew interpretati b’modi żbaljati oħra”.

Hi qalet li l-lingwa Spanjola użata fis-summaries infushom hija wahda fqira ħafna; fattur li seta kompla ikkontribwixxa għal misinterpretazzjoni jew interpretazzjoni żbaljata ta’ l-istess telefonati.

“Hija ħaġa kurjuża u stramba illi wiehed ma jistax ma jinnutax kif minn investigazzjoni estensiva li tinkludi ghexiren ta’ operaturi, individwi, kumpanija u entitajiet, inkluz dawk lokali, hija haga tal-iskantament kif jien ġejt singled out u allura nispera illi din ma kenitx xi mossa intenzjonata sabiex niġi mwaqqfa milli nkompli l-ħidma tiegħi”.

Fir-rigward tat-talba għaż-żieda fil-kwota tat-tonn, Fenech Farrugia qalet li hawn sar kollox above board, skont il-liġi, bl-awtorizazzjoni tal-organi komptetenti u versu l-ħlasijiet ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro, lili bhala Direttur li ġew stabbiliti skond il-liġi u d-deċiżjonijiet ministerjali.

“B’risposta ghad-domandi mqajjma fil-mezzi tax-xandir, nispjega illi jien qatt ma sibt l-ebda diffikolta li nikkopera mal-Awtoritajiet, nforni l-informazzjoni kollha mitluba, u dan ilni li ghamiltu diversi xhur inkluz fl-Inkjesti Magisterjali pendenti”.

Mistoqsija minn Net News jekk għadx għandha aċċess għall-uffiċċju tagħha ta’ Direttur Ġenerali, Andreina Fenech Farrugia baqgħet ma weġbitx.