Formula 1 Sport

Ferrari jippreżentaw il-karozza li biha jittamaw li jtemmu n-nixfa ta’ suċċessi

Ferrari żvelaw il-karozza SF90 li biha jittamaw li jtemmu s-serje negattiva mingħajr suċċessi. It-tim Taljan għandu l-pressjoni għas-suċċess hekk kif ilu mingħajr rebħ ta’ titlu tas-sewwieqa jew tal-kostrutturi mill-2008.

Il-karozza l-ġdida żammet il-kulur aħmar tradizzjonali tat-tim iżda kien hemm l-inklużjoni tal-kulur iswed. It-tim żamm lis-sewwieq Ġermaniż Sebastian Vettel iżda għandu l-inklużjoni taż-żagħżugħ Charles Leclerc wara staġun pożittiv ma’ Sauber is-sena l-oħra fid-debutt tiegħu.

Ferrari għandhom ukoll tmexxija ġdida wara li Mattia Binotto ħa post Maurizio Arrivabene bħala l-Prinċipal tat-Tim. Binotto spjega li l-karozza innovattiva ma kinitx tfisser revoluzzjoni mis-sena li għaddiet, hekk kif Ferrari kellhom l-aħjar staġun fl-aħħar diċenju.

Din in-nixfa ta’ suċċessi hi t-tieni l-itwal fl-istorja glorjuża ta’ Ferrari, filwaqt li se jkunu qed jisfidaw lil Mercedes biex ma jwaqqfux rekord uniku ta’ sitt kampjonati konsekuttivi tas-sewwieqa u l-kostrutturi. Fl-ewwel parti tal-istaġun li għadda, Ferrari dehru li se jkunu ta’ sfida denja iżda żbalji tekniċi kif ukoll ta’ Sebastian Vettel, wasslu biex Mercedes u Lewis Hamilton kisbu s-suċċessi.

Tags