“Hemm numru ta’ esperti interni assistiti mill-pulizija lokali u esperti barranin li qiegħdin viċin ħafna li jistabilixxu l-fatti kif seħħew”. Hekk sostna waqt il-programm Flusek fuq Net Tv Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, b’rabta mal-każ ta’ hacking li twettaq l-Erbgħa filgħodu.
Filwaqt li għal’darb’oħra serraħ ras il-klijenti tal-bank li l-flus ta’ ddepożitanti ma ġewx mittiefsa huwa spjega kif f’nofs siegħa l-bank nduna b’dak li kien qiegħed jiġri. Agius ddeskriva l-każ bħal meta wieħed imur jixtri xi ħaġa, jeħodha u flus lura biex trodd lura ma jkollokx. Huwa nsista li kieku ntebħu b’dak li kien qiegħed iseħħ ftit tal-minuti biss wara, l-emoraġija interna kienet tkun aktar gravi.
Ernest Agius kompla jgħid li mit-€13-il miljun li ġew trasferiti hemm ammont minnu li huma miżmumin diġà filwaqt li hemm oħrajn li potenzjalment jista’ jkun li ntefqu. Madanakollu huwa preċiża jgħid li 90% tas-servizzi tal-BOV qiegħdin joperaw. Dan l-għaliex l-unika servizz li ma jinsabx attiv huwa s-servizz ta’ tranżazzjonijiet lil third parties internazzjonali.
Dan ifisser li s-sistema li biha wieħed ikun kapaċi jikkonkludi kemm ittieħdu u kemm ġew ritornati lura flus bi preċiżjoni għadha mhux operabbli.
Ernest Agius irringrazzja lil banek lokali oħrajn li kienu hemm ta’ spalla f’każ serju bħal dan.
//= $special ?>