– Aktar riżorsi għall-għalliema u r-riċerkaturi
– Tissaħħaħ is-satira, inkluż dik politika, permezz tal-memes u parodiji
– L-ebda taxxa fuq min juża l-internet jew iqassam kontenut fuq Facebook
Qbil politiku li sar din il-ġimgħa se jħalli impatt pożittiv fuqna li nużaw l-internet u se jassigura li l-kreaturi u l-artisti jirċievu kumpens xieraq u b’hekk ikomplu joffrulna kontenut li nkunu nistgħu ngawdu. Il-liġi se toffri wkoll opportunitajiet ġodda għal artisti żgħażagħ biex jikbru u jimirħu online filwaqt li tissalvagwardja l-impjieg tal-ġurnalisti, u tagħmel il-ħajja tal-għalliema u r-riċerkaturi aktar faċli. Dan hu pass importanti biex nipreżervaw il-wirt storiku u kulturali tagħna. Kburi li jien tajt l-appoġġ kollu tiegħi għal din il-liġi ġdida fl-interess tal-istakeholders Maltin wara konsultazzjoni wiesa’ li għamilt magħhom.
Qal dan il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, wara li ntlaħaq qbil politiku fuq liġi li tirregola l-użu ta’ kontenut online.
Permezz ta’ din il-liġi, mużiċisti, performers u awturi, se jkunu jistgħu jinnegozjaw rimunerazzjoni għall-użu tax-xogħol tagħhom sabiex dan jintuża jew jidher fuq pjattafomi online bħal YouTube u Facebook. Bosta artisti Matin kienu tkellmu ma’ Zammit Dimech dwar il-problema tar-rimunerazzjoni inġusta għax-xogħol tagħhom. “Minkejja dan, jien se nkompli wkoll ninsisti li l-Youtubers Maltin jitħallsu tax-xogħol li huma jtellgħu online,” żied jgħid Zammit Dimech.
Din il-liġi se tagħmel ukoll aktar faċli l-użu ta’ kontenut bħal pubblikazzjonijiet u data li tinsab online għal skopijiet ta’ riċerka (text and data mining), miżura li se tkun ta’ benefiċċju għal ċentri tar-riċerka u universitajiet. Zammit Dimech qal li dan hu pass importanti biex inkomplu nsaħħu r-riċerka, filwaqt li fakkar il-bżonn ta’ aktar investment finanzjarju, hekk kif Malta tinsab ma’ tal-aħħar f’dan il-qasam. Din il-liġi hi wkoll ta’ benefiċċju għall-edukazzjoni billi studenti u għalliema se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn aktar kontenut bħal ritratti, għal skop edukattiv kif ukoll għal korsijiet online.
Barra minn hekk, din il-liġi se tippermetti l-preservazzjoni diġitali tal-wirt kulturali li jinsab fil-mużewijiet u f’arkivji. Pajjiżna għandu wirt kbir, u din il-liġi toffri opportunitajiet li dan nippreżervawh għal ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Din il-liġi tassigura wkoll ġurnaliżmu tal-ogħla kwalità. Dan billi l-ġurnalisti se jkollhom id-dritt li jirċievu kumpens xieraq għal użu online tal-pubblikazzjonijiet tagħhom. Mhux se jkun hemm ebda bżonn ta’ xi pagament sabiex wieħed jaqsam ma’ oħrajn links flimkien ma’ test personali jew xi kwotazzjoni qasira minn dik il-link online, bħal fuq Facebook.
Fil-mod kif tfasslet il-liġi l-ġdida, ġie assigurat li ma jkun hemm ebda impatt fuq il-libertà tal-espressjoni. Kontra dak li nkwieta lil xi wħud, il-memes u l-parodiji mhux se jkunu affetwati u se nkunu nistgħu nkomplu ngawdu mis-satira, inkluż dik politika. Anzi, jekk xi kontenut jitneħħa mill-internet mingħajr ġustifikazzjoni valida, se jkun hemm mekkaniżmu sabiex wieħed jikkontesta dik id-deċiżjoni.
It-test li hemm qbil fuqu issa għandu jkun approvat formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Meta jkun ikkonfermat u ppubblikat fuq il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-Istati Membri jkollhom 24 xahar biex idaħħlu dawn ir-regoli fil-liġijiet tagħhom.
Zammit Dimech irringrazzja lill-istakeholders Maltin tal-appoġġ u l-informazzjoni li qasmu miegħu.
//= $special ?>