Internazzjonali

Il-ħajt propost mal-Messiku….Trump jikkonferma l-pass ta’ emerġenza

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkonferma li se juża l-poteri ta’ emerġenza biex jibni l-ħajt kontroversjali mal-fruntiera tal-Messiku. Dan waqt li Trump sostna li ‘il-ħitan huma tajbin għas-sigurtà’.

Il-bini tal-ħajt jinvolvi impenn importanti tal-kampanja elettorali ta’ Trump, iżda d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni fissru l-aħħar pass ta’ emerġenza min-naħa tal-President bħala ‘abbuż kbir ta’ poter’.

Donald Trump, issa, mistenni jiffirma l-pjan flimkien ma’ abbozz ta’ liġi għall-infiq li għandu jevita ripetizzjoni ta’ shutdown wara s-sitwazzjoni li paralizzat lill-Gvern Amerikan għal diversi ġimgħat.

Il-pjan għall-poteri ta’ emerġenza tħabbar wara li l-Kungress Amerikan irrifjuta li jipprovdi finanzi għall-bini tal-ħajt mal-Messiku.