Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jappella għal pjan għall-Gżira u l-madwar

Ir-residenti tal-Gżira u s-sidien ta’ ħwienet żgħar qed isofru minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar fil-lokalità, tant li wħud huma maħnuqa minn kostruzzjoni bla rażan li qed tħalli fuqhom impatt negattiv.

Hi din waħda mir-realtajiet li tkellmu dwarha r-residenti meta l-Gimgha, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żar il-lokalità tal-Gżira, fejn sema’ wkoll esperjenzi ta’ self employed li se jkollhom jagħlqu.

“Hawn issues kbar ta’ wisq żvilupp f’daqqa. L-iżvilupp hu tajjeb imma jrid ikun maħsub u ppjanat. Ħadd ma jrid li nwaqqfu l-iżvilupp imma rridu nippjanawh, u nippjanawh ‘il quddiem,” irrimarka l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Kompla li “kemm ir-residenti u dawk li qed jiżviluppaw iridu li jkun hawn xi tip ta’ pjan: meta u liem toroq se jingħalqu, kemm se jdumu s-siti ta’ kostruzzjoni u l-ħarsien tas-sit fejn se ssir il-kostruzzjoni fost oħrajn. Iva għall-kostruzzjoni imma le għal żvilupp bl-addoċċ u mingħajr pjan.”

B’popolazzjoni dejjem tikber fil-lokalità, u l-Gżira li tinsab fil-qalba ta’ lokalitajiet diga’ iffullati, ir-residenti u l-istabbilimenti qed jaffaċċjaw ukoll problemi dejjem ikbar ta’ traffiku u nuqqas ta’ parkeġġ.

“Irridu li jkollna metodi ġodda ta’ traffic management systems ġodda, imma wkoll inħarsu l-volum tal-karozzi fit-toroq tagħna,” appella Adrian Delia.

Fost dawk li tkellmu mal-Kap tal-PN kien hemm ukoll membri ta’ għaqdiet fil-lokalità, li jħossu li ntesew. “L-għaqdiet volontarji li għandhom x’jaqsmu mal-festi, mal-baned, mal-isport u mal-futbol f’din il-lokalità mhux jingħataw biżżejjed leħen,” stqarr Adrian Delia.

Enfasizza li “l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-volontarjat. Nemmnu f’dawk li jagħtu ħafna mingħajr ma jippretendu xejn. Dawk li jagħtu l-ħin, enerġija u ideat tagħhom għall-komunità. Minflok infixkluhom, lil dawn irridu ngħinuhom, insaħħuhom u ntuhom l-għodod kollha biex ikunu jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom għax huma dawk li jgħaqqdu s-soċjetà u jagħmluha komunità ħajja, soċjetà li jimprutaha.”

Din iż-żjara hi waħda minn sensiela ta’ żjarat li qed isiru ta’ kuljum f’lokalitajiet differenti mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Fil-Gżira, jakkumpanjaw lil Adrian Delia kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roslyn Borg Knight, il-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Dione Borg u Francis Zammit Dimech, il-kunsilliera Graziella Attard Previ u Jeremy Cardona kif ukoll il-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali Shaun Farrugia u Jessica Borg.