Internazzjonali

Il-Libja: Jiċħdu s-sehem tal-militar Amerikan f’rejd kontra l-al Qaeda

Il-militar tal-Istati Uniti qed jirrifjuta allegati rapporti li l-qawwiet tiegħu ħadu sehem f’rejd fuq sit tat-terroristi al Qaeda fil-belt Libjana ta’ Ubari.

L-insistenza titqies bħala kontradizzjoni għall-istqarrija ta’ uffiċjal Libjan anki jekk l-Istati Uniti tibqa’ impenjata biex telimina lill-entitajiet terroristiċi fil-Libja u l-madwar li huma ta’ theddida diretta għar-reġjun.

Kien il-kelliem għal Fayez al-Sarraj – li jmexxi lill-Kunsill Presidenzjali tal-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali fi Tripli – li ħareġ stqarrija, f’nofs il-ġimgħa, fis-sens li ‘qawwiet Amerikani u Libjani kkooperaw flimkien waqt rejd fuq zona ta’ Ubari, fejn kien hemm numru ta’ membri tal-al Qaeda’.

Il-kelliem, Mohamed El Sallak, tenna li ‘l-impenn konġunt mill-Kunsill Presidenzjali tal-Gvern (Libjan) għall-Għaqda u l-Gvern tal-Istati Uniti seħħ waqt li kienet għaddejja laqgħa bejn is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, u l-Ministru Libjan għall-Affarijiet Barranin, Mohamed Sayala.’

Skont El Sallak, il-laqgħa ta’ Pompeo ma’ Sayala inkwadrat fis-summit għall-Koalizzjoni Globali ta’ Pajjiżi għal Kontra t-Terrur tal-ISIS li saret il-ġimgħa l-oħra f’Washington, il-kapitali tal-Istati Uniti.

Iżda l-US Africa Command, li hu responsabbli mit-truppi Amerikani fiz-zona partikulari, qal li minkejja li l-Istati Uniti qed tappoġġja l-isforzi tal-Gvern Libjan (rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti) kontra t-terroriżmu, il-qawwiet tal-Istati Uniti ma kellhom x’jaqsmu xejn fir-rejd speċifiku, fl-inħawi ta’ Ubari.

L-istqarrija tal-Amerikani mill-ġdid ċaħdet l-involviment fir-rejd irrappurtat u meta l-Istati Uniti riedet tagħmilha ċara li ‘il-US Africa Command ma mexxa l-ebda offensivi mill-ajru fil-Libja mill-bidu tal-2019 ’il hawn’.