Futbol Sport

Juventus jippreparaw għal kontra Atletico Madrid b’rebħa komda fuq Frosinone

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions Taljani Juventus baqgħu għaddejjin fis-Serie A hekk kif għelbu lil Frosinone 3-0 fl-Allianz Stadium f’logħba li kkontrollaw mingħajr wisq diffikultà. Il-kowċ Massimiliano Allegri serraħ ukoll xi plejers wara t-tielet gowl fejn bidel lil Cristiano Ronaldo, Giorgio Chiellini u Sami Khedira filwaqt li Miralem Pjanic kien inkluż fl-aħħar kwarta. Dan bi preparazzjoni għall-impenn li jmisshom fil-UEFA Champions League kontra Atletico Madrid.

Juventus fetħu l-iskor wara biss sitt minuti meta Cristiano Ronaldo qassam lejn PAULO DYBALA li kkontrolla u b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ fuq għeleb lil Marco Sportiello. L-iskor sar 2-0 fis-17-il minuta wara li Sportiello salva parzjalment daqqa ta’ ras ta’ Mandzukic, b’LEONARDO BONUCCI jantiċipa lil sieħbu Sami Khedira u skorja mill-viċin.

Il-Bianconeri serrħu rashom fit-63 minuta b’Mandzukic jitfa’ kross mil-lemin lejn CRISTIANO RONALDO li b’xutt fil-baxx mill-ewwel għeleb lil Sportiello.