Id-Direzione Investigativa AntiMafia, li hi l-fergħa tal-Pulizija fl-Italja li twettaq investigazzjonijiet kontra l-krimini organizzata, xeħtet għajnejha fuq Malta f’rapport ta’ ħidma tal-ewwel kwart tal-2018.
“Malta, minbarra li qed tintuża bħala post ta’ rifuġju għal uħud mill-kriminali maħruba, grazzi għal reġim fiskali aġevolat, saret meqjusa wkoll bħala hub Ewropew tal-gambling,” tiddikjara d-DIA, li tinnota fost oħrajn kif f’pajjiżna għandna konċentrazzjoni ta’ barranin b’interess fil-gżira.
Ir-rapport tad-DIA jinnota kif dan kollu wassal biex ġie attirat l-interess tal-kriminalità Taljana f’Malta, b’mod speċjali l-mafja ta’ Kalabrija li hi interessata b’mod speċjali f’attività ta’ ħasil ta’ flus, grazzi wkoll għal-logħob tal-azzard, inkluż onlajn.
Ir-rapport jinnota fost oħrajn kif fil-perjodu analizzat, f’pajjiżna nkixfet xibka kriminali li kienet taħdem għall-mafja bi dħul ġej mil-logħob tal-flus illegalment milgħuba online.
Dan b’riferenza għall-inkjesta Game Over, li wasslet għall-arrest ta’ 30 persuna, fosthom ir-re tal-logħob tal-azzard onlajn, Benedetto Bacchi. Huma qed jiffaċċjaw diversi akkużi bħal frodi, ħasil tal-flus, serq għad-danni tal-istat, estorsjoni u metodi mafjużi.
//= $special ?>