Kultura Lokali

Preservat id-dokument li jippremetti t-tqegħid tal-George Cross fuq il-bandiera Maltija

Il-volum li fih kopja tal-għotja tal-George Cross lil Malta miżmum fl-Arkivji Notarili fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern, għadu kemm ingħata trattament ta’ konservazzjoni bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni b’suċċess bejn l-Uffiċċju fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili.

Il-volum kien jinħtieġ interventi diversi fosthom tindif tal-wiċċ, tneħħija ta’ tiswijiet qodma, tiswija tas-sinsla tal-ktieb u tiswija tal-qoxra u tqiegħed fi spazju magħluq protettiv biex ikun imħares. Kull trattament twettaq bl-użu ta’ materjali ta’ konservazzjoni tal-ogħla kwalità u skont l-aħħar prattiċi internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-etika f’dan il-qasam. Din il-kollaborazzjoni bejn Din l-Art Ħelwa, li wettqet ġbir ta’ fondi permezz tal-membri tagħha, il-Fondazzjoni għall-Arkivji Notarili u l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern tat kontribut siewi għall-isforzi li jinsabu għaddejjin biex jitħares il-wirt nazzjonali Malti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dokumenti. Hu ttamat li din l-inizjattiva twassal għal aktar kollaborazzjoni.

Il-George Cross ingħata mill-Maestà Tiegħu r-Re George V lil Malta fil-15 ta’ April 1942 għall-kuraġġ u għall-perseveranza li ntweriet matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-att ġie ppubblikat fis-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ fil-Palazz tal-Gvernatur, il-Belt, fil-preżenza tal-Monsinjur Mikiel Gonzi, Arċisqof Metropolitan ta’ Malta, fis-7 ta’ Frar, 1947. Il-poplu Malti kien għadu kemm għadda minn tħarbit totali tal-ħajja ta’ kuljum, ra skarsezza ta’ ikel u safa fil-mira ta’ bbumbardjar bla waqfien mill-forzi tal-għadu. Il-volum jippreserva r-rekord ta’ din il-parti sinjifikanti tal-istorja ta’ Malta u tal-poplu Malti.

Il-volum fih l-insinwar tal-att magħmul min-Nutar Prinċipali tal-Gvern Dr Carmelo Farrugia. Il-kuntratt sar bejn Francis Campbell Ross Douglas, Gvernatur u Kap Kmandant tal-Gżira ta’ Malta u d-Dipendenzi tagħha, u s-Sinjurija Tiegħu l-Kavallier George Borg, Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell, ‘fejn ir-Re Ġorġ VI, ħerqan li jingħata unur u distinzjoni akbar lill-Gżira ta’ Malta’, jippermetti li xbieha tal-George Cross proprju titqiegħed fuq canton kaħla li titqiegħed fuq siġilli, bandalori u ħwejjeġ oħrajn tal-Gżira ta’ Malta u d-Dipendenzi tagħha.

Il-volum fih ukoll atti notarili oħrajn bħal atti li jittrattaw bejgħ ta’ artijiet, rikostruzzjoni ta’ djar li ġarrbu ħsarat u l-forniment ta’ proviżjonijiet u fuel li jkomplu jikkontribwixxu għall-ħarsien ta’ aspetti mill-passat ta’ Malta u tal-kultura tal-populazzjoni Maltija.