Lokali

Professur Taljan isib speċi ġdida ta’ insett f’pajjiżna

Professur Taljan mill-Università ta’ Molise, fl-Italja, skopra speċi ġdida ta’ insett f’masġar f’pajjiżna.

L-ispeċi, li ngħatat l-isem xjentifiku Cydia aldocataniae, instabet fis-siġar tal-ballut waqt riċerka li saret f’Malta. Madankollu, s’issa għadu ma tħabbarx f’liem masġar lokali nstabet.

Din l-ispeċi hi waħda minn tnejn li sab l-istess professur, li skopra wkoll il-Cochylimorpha scalerciana, din id-darba fil-Parco Nazionale della Sila, fil-Kalabrija.

Il-preżentazzjoni ta’ din l-ispeċi mistennija ssir quddiem ix-xjentisti tal-komunità entomoloġika Taljana u barranija matul il-21 Kungress tal-Lepidopteroloġija, li se jsir fl-Università ta’ Molise bejn it-3 u s-7 Ġunju.