Futbol Sport

Sirens jirbħu anki kontra Żejtun

(Ritratt: Matthew Tabone)

SIRENS …………… 1   ŻEJTUN CORINTHIANS ………… 0

Sirens: M. Montfort, K. Farrugia, R. Mandic, D. Sant, R. Grech, M.A. Morgon Filho, M. Bustos, C. Gauci (M. del Negro 45’), A. Ige, G. Gesualdi, R. Fenech

Żejtun: D. Zarb, I. Azzopardi, D. Andelkovic, A. Carabott, G. Sultana, J. Castano, D. Albanese, N. Tabone, R. Spiteri, A. Farrugia, G. Azzopardi

Referee: Glen Tonna

Issa jidher li ħadd ma jista’ jżomm lil Sirens milli jiksbu promozzjoni storika fejn għall-ewwel darba fl-istorja t-tim minn San Pawl il-Baħar jinsab iħabbat fuq il-bieb tal-kampjonat Premier.

It-tim ta’ Vince Carbonaro kiseb rebħa oħra meritata anki jekk kellhom jistennew sal-aħħar ħinijiet biex skorjaw il-gowl rebbieħ. Għal Żejtun it-tieni telfa konsekuttiva u forsi d-daqqa mortali fl-aspirazzjonijiet żgħar li kien fadlilhom biex jisfidaw għat-tielet post.

Sirens ħolqu l-ewwel azzjoni denja wara tliet minuti meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Marco Antonio Morgon Filho ġie mdawwar għal korner minn Dunstan Zarb.  Għaxar minuti wara Sirens kellhom ċans tajjeb li fih setgħu fetħu l-iskor meta Russell Fenech ikkrosja lejn Morgon Filho u dan minn qagħda ideali xxutja barra.

Fl-20 minuta Sirens reġgħu resqu viċin meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Morgon Filho wara azzjoni ta’ free-kick għadda ftit għoli.  Fl-24 minuta waslet ir-rispsosta min-naħa ta’ Żejtun meta free-kick fil-baxx mogħti minn Johan Castano għadda ftit barra.

Erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, free-kick għal Sirens minn pożizzjoni angolata mogħti minn Manuel Angel Bustos ġie salvat parzjalment minn Dunstan Zarb bid-difiża mbagħad tbiegħed il-periklu.

Fit-tieni taqsima il-logħba kienet verament kwieta bl-ewwel azzjoni tasal fil-75 minuta meta f’attakk ta’ Sirens xutt ta’ Manuel Angel Bustos għadda ftit għoli. Żewġ minuti wara Sirens ħolqu azzjoni oħra meta l-istess Bustos reġa’ ttanta xortih b’xutt bid-dawra wara korner ta’ Morgon Filho iżda għal darb’oħra t-tentattiv tiegħu għadda ftit għoli.

Fit-78 minuta Sirens fetħu l-iskor meta ABDULLAHI IGE kkonkluda fix-xibka b’daqqa ta’ ras minn qagħda tajba. Wara dan il-gowl, Sirens ikkontrollaw lill-avversarji tagħhom biex sat-tmiem l-iskor baqa’ ma nbidilx.

San Ġwann jirbħu l-konfront dirett

SAN ĠWANN …………….. 2   QRENDI ………………..…. 1

San Ġwann: Mestrovic, J. Azzopardi, J. Bowman (J.P. Attard 31’), A. Cachia, A. Borg, C. Gauci, J. Tanti, S. Hili (L. Mallia 78’), A. Abela, N. Melo Ferreira (P. Kanzurov 83’), R. De Oliveira

Qrendi: J. Farrugia, M. Farrugia (K. Abela 72’), M. Busuttil, C. Caruana, L. Brincat, N. Falzon, M. Barbara (D. Zarb 62’), D. Martini (J.P. Da Silva Vargas 62’), J. Spiteri, C. Quaranta, J. Silveira da Silva

Referee: Alex Johnson

B’gowls fit-tieni taqsima, San Ġwann rebħu l-konfront dirett miż-żona tar-relegazzjoni kontra Qrendi biex issa jinsabu punt biss taħt l-istess Qrendi fil-post ta’ qabel l-aħħar fil-klassifika.

Wara bidu kwiet, il-logħba ħadet il-ħajja b’azzjoni ta’ Sergio Hili u xutt li għadda ftit barra u risposta ta’ Qrendi permezz ta’ Quaranta li mill-viċin kien imċaħħad minn Mestrovic. Fl-24 minuta, free-kick ta’ Christian Caruana mar ftit barra.

Fis-37 minuta, San Ġwann perikolużi b’azzjoni konfuża fil-kaxxa, b’Caruana jtajjar il-periklu minn fuq il-linja. Mill-istess azzjoni l-korner ta’ Melo Ferreira destinat għal ġewwa kien salvat fuq l-ewwel lasta minn Mark Barbara.

Kif bdiet it-tieni taqsima, wara żewġ minuti RENAN DE OLIVEIRA rebaħ ballun f’nofs il-grawnd, avvanza u skorja b’xutt b’saħħtu fil-baxx. Fit-53 minuta San Ġwann irduppjaw b’xutt bomba minn distanza notevoli tas-sostitut JEAN PAUL ATTARD għal gowl mill-isbaħ.

Qrendi kienu għal kollox maħsuda u ħelsuha ħafif fis-60 minuta meta Melvin Busuttil għal ftit m’għamilx awto-gowl f’attentat li jbiegħed, il-ballun jistampa mal-mimduda.

Fl-aħħar battuti l-irjus saħnu sewwa u kellha tidħol anki l-pulizija fil-grawnd. Minbarra diversi karti sofor, kien hemm ukoll waħda ħamra fil-konfront ta’ Christian Caruana ta’ Qrendi biex fl-94 minuta kien KENNETH ABELA li bir-ras skorja gowl ta’ konsolazzjoni.

Klassifika: Sirens 42 punt, Gudja United 32 punt, Santa Lucia 30 punt, Naxxar Lions 26 punt, Lija Athletic 25 punt, Żejtun Corinthians 23 punt, Swieqi United 23 punt, Pembroke Athleta 20 punt, Vittoriosa Stars 19-il punt, Żebbuġ Rangers 18-il punt, Qrendi 17-il punt, Mqabba 16-il punt, San Ġwann 16-il punt, Marsa 5 punti

*Sirens, Żejtun Corinthians, San Ġwann u Qrendi lagħbu logħba aktar.