Futbol Sport

Sliema Wanderers jirritornaw għar-rebħ taħt kowċ ġdid

(Ritratt: EPA)

TARXIEN R………….. 1   SLIEMA W…………… 2

Tarxien: D. Bugeja, J. Wemmer, J. Cruz Gill, D. Mambouana, L. Grech (D. Zerafa 89’), G. Aquilina, M. Spiteri, S. Arab (J. De Paixao 54’), R. Faria, A. Nilsson , M. Paolucci (D. Falzon 61’)

Sliema: J. Galea, M. Sansone, K. Shaw, S. Biancardi, N. Ashong, M. Scerri, R. Fenech, C. Pani, F. Temile (J. Mintoff 86’), Y. Marzouk, I. Varela

Imwissija: M. Spiteri 26’ (T) C. Pani 10’, F. Temile 19’, S. Biancardi 79’ (S)

Skorjaw: A. Nilsson 80′ (T) C. Pani 30′, M. Scerri 54′ (S)

Tkeċċa: M. Spiteri 83′ (T)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Theodore Zammit

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Younes Marzouk (Sliema Wanderers)

Attendenza: 127

Rapport: Keane Cutajar

Sliema Wanderers rritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ ħames logħbiet, fl-ewwel logħba taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid tagħhom Stefano Maccoppi. Għal Tarxien Rainbows din kienet it-tielet telfa konsekuttiva li għalkemm tħallihom momentarjament f’nofs il-klassifika titfagħhom f’riskju li jintlaħqu jew jinqabżu minn ta’ taħthom fi tmiem it-18-il ġurnata tal-Kampjonat Premier.

Din ir-rebħa għat-tim ta’ Maccoppi tfisser li jibqgħu fit-taqtigħa għar-raba’ post tal-kampjonat, bit-tir tal-klabb, li nqala’ mill-FA Trophy fil-ġimgħat li għaddew, issa jkun żgur li jakkwista post fl-ewropa permezz ta’ pożizzjoni fil-kampjonat.

L-ewwel ċans tal-partita mar in-naħa tar-Rainbows wara ħames minuti meta Michele Paolucci kien żmarkat tajjeb iżda minn viċin il-lasta spara għoli. L-istess għamel Ricardo Faria minn pożizzjoni simili żewġ minuti wara, l-ebda problemi għal Jake Galea.

L-ewwel azzjoni ta’ Sliema waslet fit-18-il minuta meta Ignacio Varela ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata minn Dorian Bugeja. Il-Wanderers kellhom ċans tajjeb li jiftħu l-iskor fit-23 minuta meta l-gowlkiper Bugeja ħalla l-ballun jaħbat quddiemu u b’diffikultà blokka l-barra f’saqajn Frank Temile li b’xutt mill-ewwel xeħet għoli meta forsi seta’ għamel aħjar.

It-tim ta’ Sliema baqa’ jitjib aktar mal-ħin għadda u rnexxielhom jiftħu l-iskor eżatt man-nofs siegħa logħob meta CLAUDIO PANI ltaqa’ ma’ kross mil-lemin u b’xutt mill-ewwel fuq il-ġirja xeħet wara Bugeja. Gowl sabiħ u maħdum tajjeb li fisser ukoll l-ewwel gowl taħt it-tmexxija ta’ Maccoppi għall-Wanderers.

Sliema ħarġu jfittxu t-tieni gowl fit-tieni taqsima u fit-52 minuta, Younes Marzouk kien żvinturat ra t-tentattiv tiegħu minn barra l-kaxxa jinżel taħt il-lasti.

Madanakollu, il-blues ma damux ma żiedu l-vantaġġ hekk kif żewġ minuti wara, f’azzjoni maħduma tajjeb, waslet biex Ignacio Varela qabbeż minn fuq Bugeja u laqat il-lasta bil-ballun jaqa’ f’saqajn il-captain MARK SCERRI li xeħet f’lasta vojta mill-viċin.

Ir-Rainbows naqsu d-distakk fit-80 minuta meta kross mil-lemin ta’ Jens Wemmer indirizzat lejn il-lasti spiċċa fuq ras ALEXANDER NILSSON li xellef għal ġewwa.

Dorian Bugeja ħalla lit-tim tiegħu fil-partita meta wettaq save spettakolari fis-87 minuta fuq x-xutt b’saħħtu mill-viċin ta’ Nii Nortey Ashong wara kontrattakk veloċi però Sliema rnexxielhom iżommu l-vantaġġ minimu sal-aħħar tal-logħba.