Internazzjonali

Spanja: Elezzjoni ġenerali bikrija fit-28 ta’ April

Il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez, ħabbar elezzjoni ġenerali bikrija li se ssir fit-28 ta’ April u li anki mistennija tenfasizza l-livell profond ta’ diżgwid politiku fi Spanja.

L-aħbar li l-Ispanjoli sejrin għall-vot għat-tielet darba f’anqas minn erba’ snin kienet ikkonfermata wara li l-Gvern Soċjalista f’minoranza, immexxi minn Sanchez, tilef vot dwar il-baġit fil-Parlament.

Hu minnu wkoll li Sanchez kien diġà taħt pressjoni min-naħa tal-kollegi Soċjalisti biex jaqta’ ħesrem il-mandat tiegħu. Sanchez, imbagħad kellu jsofri d-disfatta dwar il-baġit wara li s-separatisti Katalani ssieħbu mad-deputati tal-Oppożizzjoni biex jivvutaw kontra l-pjan għall-infiq tal-Gvern għall-2019.

Wara li laqqa’ lill-Kabinett tiegħu b’urġenza, Sanchez ħeġġeġ biex ‘Spanja tkompli tħares ‘il quddiem’ u sostna li jkun ħafna aħjar ‘li l-poplu jitkellem minflok jispiċċa f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż jibqa’ għaddej mingħajr baġit.’

Pedro Sanchez, li għandu 46 sena, is-sena l-oħra kien ħa post l-eks Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy grazzi għal vot ta’ sfiduċja b’riżultat ta’ każ tal-korruzzjoni ewlieni li kien affettwa lill-Partit Popolari (PP) konservattiv.

Iżda fl-aħħar ġimgħa, kellha tikkrolla l-maġġoranza sempliċi tas-Soċjalisti u l-partiti ta’ kontra l-awsterità u l-partiti nazzjonalisti reġjonali li, sena ilu, kienu ngħaqdu kontra Rajoy.

Dan wara li Pedro Sanchez kien waqqaf it-taħditiet mas-separatisti rigward l-awto-determinazzjoni tar-reġjun tal-Katalunja.

L-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni jindika li l-vot ta’ April li ġej mhux mistenni jipproduċi rebbieħ ċar fost il-partiti, bid-differenza qed tidher ċara bejn iż-żmenijiet tallum u l-era tal-politika tradizzjonali ddominata miż-żewġ partiti kbar ta’ Spanja u li baqgħet effettiva għal għexieren ta’ snin.

Filwaqt li s-Soċjalisti ta’ Sanchez, illum, jidhru li qed igawdu vantaġġ, iż-żewġ avversarji kbar – il-Partit Popolari u l-Partit Ciudadanos taċ-ċentru-lemin – kapaċi jirrepetu l-koalizzjoni riċenti tagħhom fir-reġjun ta’ Andalusia, fejn, flimkien, kienu warrbu lis-Soċjalisti bl-għajnuna tal-Partit Vox tal-lemin estrem.