Sport Sport Ieħor

Valletta mhux se jilagħbu l-logħba mistennija tal-futsal kontra Luxol illejla b’sinjal ta’ protesta

(Ritratt: Joe Borg)

Il-logħba mistennija mir-rawnd tal-elite bejn Valletta u Luxol mhux mistennija tintlagħab hekk kif Valletta ħarġu stqarrija fejn qed jgħidu li mhux se jinżlu għall-partita fuq sinjal ta’ protesta. Ir-raġuni prinċipali hi li qed jilmentaw fuq żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Bord tad-Dixxiplina tal-MFA.

Huma għamlu referenza għas-sospensjoni ta’ Camilo Gomez b’rabta mal-logħba li ntlagħbet it-Tlieta 5 ta’ Frar kontra Birkirkara. Dakinhar jidher li seħħ inċident li ġie nnotat mir-referee observer tal-logħba Franco Cachia. Fl-istqarrija, Valletta żiedu li huma nfurmati li Cachia għadda r-rapport fil-ħin.

Minn dakinhar tal-logħba, il-Bord tad-Dixxiplina ltaqa’ l-għada 6 ta’ Frar u l-Ġimgħa 8 ta’ Frar fejn normalment tkun f’din il-ġurnata li joħorġu s-sospensjonijiet tal-logħbiet tal-futsal. Din is-sospensjoni baqgħet ma ħarġitx mill-Bord tad-Dixxiplina u għalhekk Gomez kien eliġibbli li jilgħab il-konfront tat-Tnejn li għadda li Valletta lagħbu kontra Swieqi United.

Jumejn ilu, il-Bord tad-Dixxiplina ħareġ il-lista li jmiss tas-sospiżi, b’Camilo Gomez jingħata sospensjoni li biha se jitlef il-logħba importanti kontra Luxol. Huma staqsew għaliex qed ikollhom trattament differenti hekk kif is-sospensjoni ta’ Celino Alves ta’ Luxol u Maximiliano Navarro ta’ Swieqi ħarġet il-Ġimgħa 8 ta’ Frar u ġustament ma lagħbux fil-logħba tat-Tnejn li għadda.

Ir-raġuni l-oħra hi dwar il-plejer Rafael Rodrigues li ġie sospiż logħba, bir-raġuni tkun li l-plejer irċieva erba’ karti sofor. Valletta qalu li ma jistgħux jifhmu kif ġara hekk, minħabba li l-plejer lagħab biss żewġ logħbiet f’pajjiżna u għalhekk hu wkoll ingħata logħba sospensjoni.

Huma temmew l-istqarrija dettaljata fejn qalu li bħala klabb jaħdmu biex iżommu livell għoli filwaqt li jippruvaw jaħdmu b’mod professjonali. Fl-istess waqt huma sostnew ir-rispett tagħhom lejn l-MFA u n-nies tagħha. “Kull ma qed nitolbu hi ġustizzja u korrettezza. Xejn aktar. Qed nitolbu żżejjed?” kompliet tgħid l-istqarrija.

Huma temmew li b’responsabbiltà sħiħa mhux se jittolleraw negliġenza u għalhekk mhux se jkunu qed jkunu qed jilagħbu l-logħba tal-lejla b’sinjal ta’ protesta.