Futbol Sport

Gowl ta’ Firas Aboulezz iħalli lil Gudja fit-tieni post

(Ritratt: Trevor Sollars)
Rebħa kbira għal Pembroke Athleta

GUDJA U. ……………………… 1   SWIEQI U. …………………….. 0

Gudja: J. Debono, M. Attard, J. Lima Siqueira, F. Aboulezz, S. Diacono (A. Mizzi 58’), L.J. Schembri, J. Farrugia, L. Cremona, E. Vella, A. Marshall, R. Kooh Sohna (D. Santos Da Hora 90’)

Swieqi: J.C. Debattista, J. Cassar, K. Muscat, K. Sultana, L. Covic, M. Vella, S. Grech (L. Scicluna 64’), S. Ibrahim, K. Ekezie (I.A. Margarit 70’), M. Farrugia (L. Zammit 80’), D. Borg

Referee: Andrea Sciriha

Gudja saħħew it-tieni pożizzjoni fil-klassifika b’rebħa minima fuq Swieqi f’logħba mill-iktar kumbattuta, logħba iżda li fiha Gudja kellhom ħafna iktar mil-logħob u r-riżultat kien wieħed meritat. Il-gowl rebbieħ kien skorjat minn Aboulezz b’daqqa ta’ ras mill-viċin, bit-tim ta’ Swieqi jkollu l-mertu li baqa’ jissielet sa l-aħħar biex għamel dan il-konfront wieħed sabiħ.

L-ewwel azzjoni kienet ta’ Gudja wara 11-il minuta fejn Kooh Sohna avvanza għal pass fit-tul, daħal tajjeb fil-kaxxa iżda kien imċaħħad minn Debattista. Risposta ta’ Swieqi seba’ minuti wara b’azzjoni simili ta’ Ibrahim li daħal b’saħħa fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu mar ftit barra. Fis-26 minuta xutt ta’ Lee Joe Schembri kien imxellef minn difensur bil-gowlkiper ta’ Swieqi jwettaq save mill-isbaħ biex mill-istess korner kien FIRAS ABOULEZZ li mill-viċin bir-ras kompla għal ġewwa.

Żewġ minuti mill-intervall, Swieqi ferm viċin li jiksbu l-gowl tad-draw meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ Jackson Cassar li kienet salvata mirakolożament minn Debono u mir-rebound l-istess Debono ċaħħad lil Ibrahim.

Fit-tieni taqsima l-ewwel periklu kien ta’ Swieqi bix-xutt ta’ Mirco Vella jmur ftit barra u fis-66 minuta Debattista salva lil Swieqi b’intervent mill-aqwa fuq xutt ta’ Schembri. Għall-kumplament tat-taqsima ftit kien hemm azzjonijiet bit-tim ta’ Gudja jkollu iktar inizjattiva biex żamm il-vantaġġ minimu sat-tmiem għal rebħa ferm importanti.

Erba’ gowls ta’ Mifsud Triganza

PEMBROKE A. …………….. 6   MARSA …………………………. 1

Pembroke: P. Schranz, G. Muscat, J.P. Mifsud Triganza (K. Borg 70’), G. Azzopardi (C. Psaila 59’), Z. Grech, T. Fenech, M.A. Borg, J.P. Oliveira Santos (M. Da Rosa Wilmsen 76’), E. Vallecillo Casado, Y. Tonna, G. Claudio Da Silva.

Marsa: K. Brincat, J. Bonello, L. Camilleri, J. Lovegrove, L. Ciantar, H. Kawamura, J. Theuma (S. Briffa 86’), R. Gatt De Raffaele, O. Cristiani, A. Watanabe (O. Anyaso 75’), R. Gafa (O. Galea 63’).

Referee: Shaun Calleja

Jean Pierre Mifsud Triganza kien il-protagonista assolut għal Pembroke meta skorja erba’ gowls, anki sfortunatament dan l-attakkant weġġa’ fl-azzjoni tar-raba’ gowl u kellu jinbidel miż-żagħżugħ promettenti Kurt Borg. Għal Marsa din kienet id-disa’ telfa konsekuttiva u għall-kundanna tagħhom jonqos biss il-matematika. Il-logħba kienet bla storja, bit-tim ta’ Pembroke jikseb it-tieni rebħa konsekuttiva biex komplew jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika.

Wara tmien minuti ta’ logħob kwiet u bilanċjat, Pembroke fetħu l-iskor meta Oliveira Santos twaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper Brincat, bir-referee jordna l-penalty li minnu JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA skorja b’xutt ċentrali.

Marsa ma wettqux reazzjoni u Pembroke komplew jamministraw il-logħba fejn bdew juru superjorità teknika u anki f’dik li hi organizzazzjoni ta’ logħob. Fil-25 minuta Pembroke skorjaw it-tieni gowl meta JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA skorja ġmiel ta’ gowl direttament minn free-kick.

Pembroke komplew jattakkaw iżda fit-38 minuta Marsa naqqsu l-iskor meta ASAHI WATANABE bidel il-ballun tajjeb ma’ Kawamura u skorja b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa.

Tnax-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima azzjoni ta’ penalty ieħor fil-kaxxa ta’ Marsa meta Vallecillo Casado twaqqa’ minn Ryan Gafa u mill-11-il metru reġa’ kien JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA li għaqqad it-tripletta b’xutt preċiż.

Pembroke komplew jattakkaw u fit-68 minuta wasal ukoll ir-raba’ gowl meta Vallecillo għadda tajjeb fuq ix-xellug u qassam lejn JEAN PIERRE MIFSUD TRIGANZA li spara fix-xibka, bl-attakkant iweġġa’ fl-azzjoni u kellu jinbidel. Fit-80 minuta wasal il-ħames gowl ta’ Pembroke meta s-sostitut MOACIR DE ROSA WILMSEN ħataf indeċiżjoni tad-difiża ta’ Marsa u wara li dar mal-gowlkiper xeħet f’lasta vojta. Tliet minuti wara l-iskor sar 6-1 b’xutt fil-baxx ta’ VALLECILLO CASADO li għeleb għal kollox lil Brincat.

Klassifika: Sirens 42 punt, Gudja United 35 punt, Santa Lucia 30 punt, Naxxar Lions 26 punt, Lija Athletic 25 punt, Żejtun Corinthians 23 punt, Pembroke Athleta 23 punt, Swieqi United 23 punt, Vittoriosa Stars 19-il punt, Żebbuġ Rangers 18-il punt, Qrendi 17-il punt, Mqabba 16-il punt, San Ġwann 16-il punt, Marsa 5 punti

*Santa Lucia, Naxxar Lions, Lija Athletic, Vittoriosa Stars, Żebbuġ Rangers u Mqabba għandhom logħba nieqsa