Lokali

Iċ-ċirkulari li tixlihom dwar id-‘Direct Orders’

“...when no tenders, or no suitable tenders, or no applications have been submitted in response to an open procedure...”

Jekk hawn imqar ħaġa waħda biss li xebbgħet u eżasperat lil dan il-poplu – anki lil-Laburisti ferventi u li ma jaslux jgħiduha fil-pubbliku iżda ċertament li jpespsuha fil-widnejn – din hi l-qagħda skandaluża ta’ kif dan il-gvern ġie jaqa’ u jqum minn dak li jgħidu r-regolamenti tal-gvern dwar l-għoti tad-direct orders, u minkejja wkoll iċ-ċanfir mill-Awditur Ġenerali u mill-midja li mhix kalzrata tal-Partit Laburista.

Dan qalu Victor Camilleri, eks-Editur ta’ In-Nazzjon u il-Mument, f’artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-lum ta’ In-Nazzjon. L-oxxenitajiet li naqraw u nisimgħu dwarhom idardru lil kull min għandu moħħ biex jirraġuna bla passjoni. Wasalna li dawn id-direct orders issa saru saħansitra jaslu sa miljuni ta’ ewro. U dan dejjem bi sfida għal dak li jitolbu r-regolamenti li għal darba darbtejn kien ikkonferma dan il-gvern stess permezz ta’ ċirkolarijiet li nħarġu mill-Ministeru tal-Finanzi u mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

L-abbużi bla preċedent f’dan il-qasam joħorġu tant ċar meta wieħed jaqra waħda minn dawn iċ-ċirkularijiet li titkellem bl-aktar mod ċar dwar meta tista’ toħroġ direct order li issa, ironikament, flok każijiet rari saru the order of the day.

Qed nirreferi għal ċirkulari bid-data tad-19 ta’ Ġunju 2017, ftit wara l-aħħar elezzjoni.

Ħa nikkwotalkom biss silta qasira minn din iċ-ċirkolari u jien ċert li mal-ewwel tifhmu x’daħqa kbira sar illum il-Ministeru tal-Finanzi, dak immexxi (suppost) minn Edward Scicluna:

“Ministry of Finance Circular No. 03/2013, dated 10th June, 2013, (ukoll ftit ġimgħat wara elezzjoni ġenerali) was issued with the intent to limit the use of the Direct Order Procedure to the barest minimum and concurrently highlight the circumstances when this procedure may be used. These circumstances are being conveniently reproduced below:

(a) When no tenders or no suitable tenders or no applications have been submitted in response to an open procedure.”

Iċ-ċirkulari tkompli ssemmi ċ-ċirkustanzi fejn direct order tista’ toħroġ; imma niggarantilkom li dan kollu ma jiswa xejn u seta’ jkun mibdul b’paragrafu wieħed, li jkun dan: “Kull ministru jista’ jaqbad u jagħmel li jrid fejn jidħlu d-direct orders basta lil min jingħataw ikun ta’ fehma laburista, jew juri sinjali tanġibbli li lest ibigħ ruħu u l-prinċipji tiegħu biex isir wieħed minn ‘tagħna lkoll’”.

Kif ma jistħux jidhru quddiem in-nies dawn il-persuni li għamlu ħerba kull fejn missew b’idejhom… u addijo regolamenti tal-finanzi għaliex dawk ma sarux għalihom iżda għal ħaddieħor.