F’diskussjoni pubblika, l-MEP Nazzjonalista David Casa, esprima ruħu pożittiv dwar id-direttiva li qed imexxi hu…u li dwarha ser jittieħed vot fil-Parlament Ewropew.
Id-drittijiet il-ġodda li se jkunu introdotti permezz tad-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, ifissru li l-familji issa se jkunu jistgħu jqattgħu aktar ħin flimkien.
Jekk tgħaddi, il-proposta ta’ Casa ser tkun qed tagħti għaxart ijiem f’paternity leave lill-missirijiet. Casa spjega kif id-drittijiet il-ġodda se jagħmlu revoluzzjoni fil-mod kif il-familji jindirizzaw l-isfida ta’ kuljum: li joħolqu bilanċ bejn id-dmirijiet tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.
Addizzjonalment, dan id-dritt mogħti lill-missier itejjeb ukoll il-qagħda tan-nisa fis-settur tax-xogħol. Casa stqarr illi huma proposti bħal dawn li jaħdmu favur in-nisà u li jnaqqsu d-distakk tal-paga bejn l-irġiel u n-nisà.
Il-proposta ser tkun qed timmodifika id-direttiva tal-‘Parental Leave’, billi żżomm l-erba’ xhur offruti bħalissa, iżda ser tkun qed tintroduċi wkoll kumpens ta’ livell ta’ sick leave għal xahrejn minnhom, u li issa mhux se jkun trasferibbli minn ġenitur għal ieħor.
Permezz tal-proposta, ser ikun qed jiġi ntrodott ukoll dak li jissejjaħ carer’s leave fejn il-ħaddiema ser jiġu allokati 5 ijiem leave imħallsa fis-sena f’każ ta’ emerġenza jew ċirkostanzi urġenti li jistgħu jiġru fil-familji tal-ħaddiem.
Il-ġenituri se jkunu qed jingħataw id-dritt sabiex jitolbu leave b’mod flessibbli. Dawk il-ġenituri bi tfal sa 12-il sena jistgħu jitolbu sigħat flessibbli, siegħat imnaqqsa, u flessibbiltà fil-post tax-xogħol.
“Jien ta’ spiss niltaqa’ ma’ koppji żgħażagħ li qed jippjanaw li jiżżewġu jew li jkollhom it-tfal, imma jibżgħu mill-isfidi li l-ġenituri llum qed jiffaċċjaw. Irridu nassiguraw li d-drittijiet tal-ġenituri jiżdiedu, filwaqt li nipprovdu l-għodod għan-nisa biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Din il-liġi hi tajba għan-nisa, għall-familji, għall-ekonomija u għan-negozji,” qal David Casa.
Casa argumenta wkoll li n-negozji għandhom ikunu protetti mill-ispejjeż li din id-direttiva se toħloq. L-istat għandu jħares lejn dawn id-drittijiet bħala servizzi soċjali u investiment dirett fil-familji Maltin u Għawdxin.
“L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u l-ħidma tagħhom m’għandhiex tkun ostakolata,” – David Casa.
L-MEP Casa rringrazzja lir-rappreżentanti tal-unions, ta’ min iħaddem u l-istakeholders kollha li hu kien f’kuntatt magħhom matul in-negozjati. Il-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE approvaw din id-Direttiva, u vot simili mistenni jittieħed fil-Parlament Ewropew kmieni x-xahar li ġej.
Dan il-ftehim politiku dwar id-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol fi ftit kliem jinkludi:
- 10 t’ijiem ta’ leave tal-paternità li ma jkunx anqas mill-livell tal-leave tal-mard;
- 4 xhur ta’ leave għall-ġenituri li xahrejn minnu jkunu mħallsa u mhux trasferibbli;
- 5 t’ijiem ta’ leave fis-sena għal min iridu jieħu ħsieb il-qraba;
- u d-dritt li jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli.