Knisja Lokali

Il-parroċċi tas-Siġġiewi u Ħ’Attard bi tmexxija ġdida

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Josef Mifsud bħala l-Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Nikola tas-Siġġiewi, filwaqt li Dun Joseph Grech inħatar bħala l-Kappillan tal-parroċċa ta’ Santa Marija, f’Ħ’Attard.

Dun Josef Mifsud twieled fil-15 ta’ Mejju 1981 u trabba s-Siġġiewi fejn irċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ Stella Maris f’Ħal Balzan. Huwa kiseb l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, Tal-Virtù, ir-Rabat, u kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Lulju 2007.

Dun Josef serva bħala viċi kappillan fil-parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar, u fl-2010 inħatar bħala kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara. Il-parroċċa tas-Siġġiewi tiġbor fiha madwar 7,700 persuna f’2,500 familja.

Dun Joseph Grech twieled fis-26 ta’ April 1970. Huwa rċieva l-edukazzjoni fl-iskola primarja tal-Mosta, l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara, u l-edukazzjoni post-sekondarja fil-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela, l-Imsida. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tal-Arti u fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1997.

Dun Joseph serva bħala serva bħala bħala viċi arċipriet fil-parroċċa ta’ Bormla (1997), arċipriet tal-parroċċa tal-Isla (2002) u arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi (2012) fejn ilu jservi għal dawn l-aħħar seba’ snin.

Il-parroċċa ta’ Ħ’Attard tiġbor fiha madwar 11,000 persuna f’3,300 familja.