“Ma kellix flus biżżejjed biex inħallas il-kera”.
Sitwazzjoni li qed jgħixu fiha bosta familji Maltin, hekk kif mhux qed ilaħħqu mal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-kirjiet. Bhal ħafna….din l-omm, li għandha żewġ itfal, kellha tirrikorri għall-għajnuna tal-YMCA wara li spiċċat bla saqaf fuq rasha.
Id-‘Dar Niki Cassar’ toffri kenn lil madwar tletin persuna li spiċċaw m’għandhomx fejn jgħixu.
Tul is-sena u nofs li din l-omm ilha fid-Dar tal-YMCA ngħataT ħafna għajnuna, imma tistqarr li xorta waħda jibqa’ l-fatt li jekk ma tkunx taffordja tħallas il-kera, m’għandha mkien fejn tmur. Filfatt, minkejja li din l-omm taħdem part time, tistqarr magħna li xorta huwa diffiċli għaliha li tlaħħaq mal-ħajja.
Din l-omm tistqarr magħna li f’Malta għadu jeżisti ċerta tabboo fuq dawk in-nies li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom …għax ħafna jaħsbu li dawn ikunu waqgħu f’xi vizzji jew li għamlu xi ħaġa ħażin. Iżda dan żgur mhux il-fatt. Persuna tispiċċa homeless mhux għax tkun għażżiena iżda għax ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-ogħli tal-ħajja.
Fil-YMCA, din l-omm issostni li sabet it-tieni familja tagħha… sabet ħafna sapport f’kollox.
Din l-omm tistqarr li l-għajnuna li dawn in-nies jirċievu waqt li jkunu residenti f’din id-dar, trid titkompla wara li dawn imorru lura għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Biex b’hekk dak li jkunu ħadmu għalih ma jintilifx.
Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv ta’ YMCA Malta Anthony Camilleri illi sostna li l-maġġoranza ta’ dawk li jgħixu f’din id-dar huma Maltin. Huma joffru l-għajnuna kollha tagħhom lil dawn in-nies biex wara li jitilqu jkunu preparati għal dawk li se jaffaċċjaw.
F’pajjiżna bħalissa hawn aktar minn 300 persuna li jinsabu bla saqaf fuq rashom, b’uhud minnhom jirrikoru għal dawn it-tip ta’ shelters.
//= $special ?>