Lokali

KUNSILL ĠENERALI PN: “Flimkien għal Pajjiżna”

Il-PN kellu rekord fit-tesseramenti

Flimkien għal Pajjiżna hija t-tema tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li se jibda jiltaqa’ minn għada l-Ħadd 17 ta’ Frar u se jibqa’ jiltaqa’ kuljum sal-Ħadd 24 ta’ Frar, bl-għeluq tal-aħħa sessjoni jsir mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Is-sessjoni ta’ għada l-Ħadd se ssir f’Għawdex sabiex il-Kunsill Ġenerali jkun qed jagħti vuċi wkoll lill-Għawdxin.

Il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiddiskuti l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista matul is-sena li għaddiet filwaqt li jagħti ħarsa ‘l quddiem lejn il-ħidma li se twassal lill-partit għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tal-25 ta’ Mejju li ġej. Din kienet l-ewwel sena sħiħa tat-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista, liema sena kienet waħda ta’ tisħiħ fl-organizzazzjoni, fil-finanzi tal-partit u fl-inizjattivi Parlamentari.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli elenka l-ħidma li seħħet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista matul l-2018. Fosthom:

  • Saħħaħna l-infrastruttura organizzattiva tagħna
  • L-ogħla ammont ta’ tesserati fi 13-il sena b’żieda ta’ 1,700 tesserat ġdid
  • Tisħiħ tal-finanzi tal-Partit fuq bażi sostenibbli: b’maratoni rekord
  • Programm ġdid ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ: Future Leaders
  • Partit żagħżugħ: waqqafna l-fergħa ġdida Team Start PN

Clyde Puli elenka wkoll l-għadd kbir ta’ proposti li qed jitressqu mill-Oppożizzjoni fosthom it-80 proposta biex intejbu l-Kunsilli Lokali, proposti dwar l-ekonomija u l-finanzi għall-budget fil-pre-budget document, liġi mressqa mill-Oppożizzjoni dwar is-Samaritan it-Tajjeb, proposti għas-sostenibbilità tal-biedja u l-promozzjoni tal-prodott lokali, prosposti għall-qbiela, proposti dwar l-iskart tal-kostruzzjoni, proposti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer u l-viżjoni politika u proposti għal pjan fit-tul għal pajjiżna: Soċjetà li Jimpurtaha.

Il-Kunsill Ġenerali se jkun ippresedut mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u kkordinat minn Amanda Abela, li hija l-Kordinatur tal-istess Kunsill. Id-dokument amministrattiv tal-Kunsill Ġenerali se jitressaq mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Il-Kunsill Ġenerali se jiltaqa:
Il-Ħadd 17 ta’ Frar fl-10.00 ta’ filgħodu fil-Grand Hotel l-Imġarr Għawdex, b’sessjoni speċjali għall-Għawdxin u bl-għeluq bid-diskors tal-Kap tal-partit Adrian Delia.

It-Tlieta 19 ta’ Frar fis-6.30 ta’ filgħaxija bl-ewwel sessjoni plenarja fid-Dar Ċentrali fejn se jiġi ppreżentat id-dokument politiku mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u bl-għeluq tas-sessjoni bid-diskors tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo.

It-tieni sessjoni plenarja se ssir il-Ġimgħa 22 ta’ Frar fid-Dar Ċentrali bl-għeluq tas-sessjoni bid-diskors tal-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius.

It-tielet sessjoni plenarja ssir is-Sibt 23 ta’ Frar fid-Dar Ċentrali bl-għeluq tas-sessjoni bid-diskors tal-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono.

Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni plenarja ssir fid-Dar Ċentrali l-Ħadd 24 ta’ Frar bir-replika tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u bid-diskors tal-Kap tal-partit Adrian Delia.
L-Erbgħa u l-Ħamis 20 u 21 ta’ Frar se jsir żewġ laqgħat distrettwali bis-sehem tal-Kap tal-partit Adrian Delia.

Il-konferenza tal-aħbarijiet fejn ingħataw id-dettalji kollha tal-Kunsill Ġenerali ġiet indirizzat mis- Segretarju Ġenerali Clyde Puli, l-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u l-Kordinatur tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.