Futbol Sport

Manchester City jikkwalifikaw kif mistenni mal-aħħar tmienja tal-FA Cup

(Ritratt: EPA)

Manchester City avvanzaw kif mistenni għall-kwarti tal-finali tal-FA Cup b’rebħa ta’ 4-1 fuq it-tim ta’ League 2 Newport County. Wara taqsima mingħajr gowls, Manchester City fetħu l-iskor fil-51 minuta b’xutt mix-xellug ta’ Leroy Sane u għalqu l-logħba kwarta mit-tmiem b’azzjoni personali ta’ Phil Foden.

Newport County daħlu ftit fil-logħba fit-88 minuta wara li Padraig Amond ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża u qabbeż fuq Ederson, iżda reġa’ kien Foden li għamilhom 3-1 b’azzjoni personali oħra. Riyad Mahrez issiġilla r-rebħa fil-ħin miżjud b’xutt b’saħħtu mix-xellug.

Għat-tieni sena konsekuttiva, Brighton għaddew mal-aħħar tmienja b’rebħa missielta ta’ 2-1 fuq it-tim taċ-Championship Derby County. Brighton bnew vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima b’gowl ta’ Anthony Knockaert fit-33 minuta wara kross mil-lemin.

Jurgen Locadia irdoppja l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima, meta skorja mir-rebound wara li xutt ta’ Yves Bissouma kien ħabat mal-wieqfa. Derby naqqsu d-distakk fil-81 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Ashley Cole, f’dak li kien l-ewwel gowl tiegħu fil-futbol Ingliż mill-2012.

It-tim taċ-Championship Millwall għeleb lil Wimbledon 1-0.  Millwall kellhom bżonn biss sitt minuti biex fetħu l-iskor, bi kross mil-lemin isib lill-iżmarkat Murray Wallace li skorja b’daqqa ta’ ras, f’azzjoni li spiċċat biex iddeċidiet il-logħba.

Tags