Futbol Sport

Piatek jerġa’ jiskorja u jkompli l-mument pożittiv ta’ Milan

(Ritratt: EPA)

Milan komplew bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif b’wirja pragmatika għelbu lil Atalanta barra minn darhom 3-1. Atalanta kellhom aktar inizjattiva tul il-logħba, iżda Milan kienu ċiniċi biżżejjed biex fil-ftit okkażjonijiet li kellhom sabu x-xibka u ħasdu lill-avversarji. Protagonist għal darba oħra l-attakkant Krzysztof Piatek li skorja doppjetta u ċertament rebaħ id-dwell ma’ Duvan Zapata.

Kienu Atalanta li marru minn fuq wara 33 minuta meta Josip Ilicic tefa’ kross fil-baxx mil-lemin lejn REMO FREULER li għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’xutt fil-baxx li kien salvat parzjalment u ħabat mal-wieqfa qabel qabeż il-linja.

Iżda Milan ġabu d-draw kontra x-xejra tal-logħba u eżatt qabel tmiem it-taqsima. Kien kross mix-xellug ta’ Ricardo Rodriguez lejn KRZYSZTOF PIATEK li b’opportuniżmu laħaq qabel l-avversarju u b’konklużjoni mill-isbaħ u mill-ewwel għeleb lil Etrit Berisha.

Milan marru minn fuq fil-55 minuta b’xutt b’saħħtu u preċiż minn barra l-kaxxa ta’ HAKAN CALHANOGLU, f’dak li kien l-ewwel gowl għalih fil-kampjonat. Huma ħasdu lil Atalanta bit-tielet gowl sitt minuti wara, b’KRZYSZTOF PIATEK jantiċipa l-ħarġa ħażin ta’ Berisha u jiskorja b’daqqa ta’ ras minn korner. Minkejja li kien għad fadal nofs siegħa, Atalanta naqsu li jwettqu reazzjoni denja hekk kif Milan ikkontrollaw għal tliet punti prezzjużi.

Fil-logħba l-oħra, Cagliari dawru telfa f’rebħa biex f’darhom għelbu lil Parma 2-1. JURAJ KUCKA poġġa lil Parma minn fuq fl-40 minuta b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ għall-ewwel gowl tiegħu ma’ Parma. Cagliari ġabu d-draw fis-66 minuta meta LEONARDO PAVOLETTI kompla għal ġewwa mill-viċin wara daqqa ta’ras indirizzata għall-kaxxa ż-żgħira. L-istess LEONARDO PAVOLETTI skorja l-gowl tar-rebħa fil-85 minuta meta għola tajjeb għal kross mix-xellug u skorja b’daqqa ta’ ras.

Tags