Lokali

“Pożizzjoni determinanti sabiex tinbidel il-White Paper”

“In-nies se jinnutaw bidla drastika mill-white paper li ħareg il-Gvern fuq riforma tal-Kunsilli Lokali. Dan mertu wkoll għall-proposti mressqa mill-Oppożizzjoni. Se nibqgħu ninsistu li dawn il-proposti l-gvern jinkludihom fid-dokument finali għax dawn jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies”.

Dan qalu Robert Cutajar, Kelliem Għall-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali waqt laqgħa tal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li saret Għawdex.

Huwa rrefera għad-dokument dettaljat tal-Oppożizzjoni dwar ir-riforma fil-Kunsilli, li inkluda fih iktar minn 80 proposta.

Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni esprima t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqir tar-responsabiltajiet minn idejn il-Kunsilli Lokali

Tul l-intervent tiegħu hu semma wkoll il-kunċett ta’ Community Policing. Policy li se tgħin sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà tar-residenti kif ukoll tiżded l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ aktar żgħażagħ fil-Kunsilli.

Robert Cutajar tkellem dwar l-importanza li l-Gvern jirrispetta iktar lill-Kunsilli Lokali u dwar id-diżappunt li esprimew fl-aħħar ġimgħat għad ta’ sindki u kunsilliera li jħossuhom bla saħħa u mwarrba għal kollox.

Hu semma wkoll it-tneħħija tal-Kumitati Amministrattivi u qal li allaħares xi ħadd issa jgħid li hemm xi lokalitajiet li m’għandhomx bżonn il-kunsilli lokali.

Robert Cutajar għalaq l-intervent tiegħu billi f’ isem l-Opożizzjoni rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom tul is-snin li ghaddew u appella li sabiex dawk kollha li jservu fil-kunsilli jżommu dejjem l-interess tal-lokalità u l-interessi tar-residenti l-ewwel u qabel kollox. Għall-Oppożizzjoni, il-bniedem għandu jinżamm dejjem fiċ-ċentru, temm jgħid Robert Cutajar.