Futbol Sport

RITRATTI: Valletta frustrati minn Senglea f’logħba ta’ sitt gowls

(Ritratt: Trevor Sollars)

VALLETTA…………….. 3   SENGLEA A……………. 3

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, R. Camilleri, S. Borg (J. Zerafa 70’), J. Caruana, R. Muscat. S. Malano, M. Alba, M. Piciollo (K. Nwoko 64’), M. Fontanella, B. Kaljevic

Senglea: M. Farrugia, C. Sammut, Z. Cassar, G. Leyton, M. El Sidqy, D. Venancio, M. Garcia, G. Virano, L. Grech (L. Mallia 82’), T. Marukawa, A. Caseres (B. Schembri 93’)

Imwissija: S. Borg 6’, B. Kaljevic 25’, M. Alba 36’, J. Zerafa 78’ (V), D. Venancio 13’, L. Grech 61’, G. Leyton 89’ (S)

Skorjaw: M. Piciollo 4’, M. El Sidqy o.g. 38’ (V), K. Nwoko 89’ (V)D. Venancio 23’ (S), A. Caseres 49’ (S), D. Venancio 82’ (S),

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Paul Apap

Il-Mument Plejer tal-logħba: Augusto Caseres (Senglea Athletic)

Rapport: George Cassar

Senglea Athletic komplew ikunu t-tim tal-mument meta b’wirja oħra pożittiva rnexxielhom iżommu lil Valletta f’parità. Il-partita kien fiha sitt gowls bit-tnejn li jiskorja l-Brażiljan Diego Venancio jkunu spettakolari.

Qabel ma bdiet il-partita, ingħatat tislima lill-Viċi President ta’ Senglea Benny Casha li miet din il-ġimgħa. Rappreżentanti tal-partitarji taż-żewġ naħat u l-captains Matthew Farrugia u Jonathan Caruana poġġew fjuri fil-post fejn ta’ spiss kien ipoġġi Benny Casha u nżammet ukoll minuta silenzju bil-bnadar tal-klabbs imtajrin mezz’asta.

Valletta marru fil-vantaġġ wara biss erba’ minuti meta l-korner ta’ Miguel Alba u l-kross ta’ Enmy Pena Beltre ħolqu konfużjoni fil-kaxxa ta’ Senglea bil-ballun jiġi għand MATTEO PICIOLLO li skorja mill-qrib. Senglea ġabu l-iskor indaqs f’nofs l-ewwel taqsima meta DIEGO VENANCIO qabad ballun min-nofs il-grawnd u b’xutt minn 25 metru bogħod għeleb lil Henry Bonello fuq ix-xellug tiegħu.

Valletta reġgħu marru minn fuq fit-38 minuta b’gowl banali hekk kif il-kross ta’ Miguel Alba deher li se jispiċċa faċilment f’idejn Matthew Farrugia, iżda Mehdi El Sidqy għola bir-ras u tefa’ fix-xibka tiegħu. Valletta ġiehom ċans kbir li jagħlqu l-ewwel taqsima b’gowl minn fuq meta l-kross ta’ Raed Ibrahim Saleh ġab waħdu lil Bojan Kaljevic li iżda xxuttja ġol-gowlkiper.

L-Isla reġgħu laħqu lill-Beltin wara erba minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta Gonzalo Leyton ta pass fit-tul lil AUGUSTO CASERES li ġera ġod-difiża Beltija qabel ma skorja b’xutt fil-baxx. L-attakkant Arġentin resaq viċin li jirdoppja fis-66 minuta meta laqat il-mimduda wara li rċieva kross mingħand Matias Garcia.

Tmien minuti mit-tmiem Senglea marru għall-ewwel darba minn fuq b’dak li jista’ jitqies bħala wieħed mill-isbaħ gowls tal-kampjonat meta DIEGO VENANCIO spara missila minn free-kick minn 35 metru bogħod li spiċċat fir-rokna leminija ta’ fuq ta’ Henry Bonello.

Valletta ma damux ma rkupraw mix-xokk meta fid-89 minuta skurjaw il-gowl tal-parità. Wara kross ta’ Miguel Alba, it-tentattiv ta’ Mario Fontanella twaqqaf minn Matthew Farrugia, iżda s-sostitut KYRIAN NWOKO kien viċin u kompla għal ġox-xibka. Valletta setgħu anki skorjaw il-gowl tar-rebħa fl-aħħar sekondi tal-ħin miżjud iżda Mario Fontanella rema għoli minn quddiem il-gowlkiper.