Lokali

Tiltaqa’ għall-ewwel darba l-fergħa ġdida tal-Partit Nazzjonalista Team Start

Il-Ġimgħa filgħaxija ltaqgħet ghall-ewwel darba il-fergħa l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista Team Start, li se tilqa’ fiha s-sehem ta’ żgħażagħ adolexxenti.

F’din il-laqgħa Thomas Demartino ġie elett bħala l-ewwel President ta’ din il-fergħa l-ġdida filwaqt li Nicole Zammit giet maħtura bħala s-Segretarju Eżekuttiv. Il-fergħa Team Start issegwi t-twaqqif tal-programm ta’ formazzjoni politika Future Leaders għal żgħażagħ li għandhom aspirazzjoni li jidħlu fil-ħajja politika.

L-uffiċjali żgħażagħ ta’ din il-fergħa qed ikomplu l-esperjenza politika tagħhom f’Team Start wara li l-ewwel ħadu t-taħriġ poltiku fil-programm Future Leaders organizzat b’kollaborazzjoni mall-AŻAD. Għal din l-ewwel laqgħa attendew ukoll il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli.

Adrian Delia qal li l-partit għandu fiduċja sħiħa fiż-żgħażagħ, u jrid ifassal il-futur tal-partit u tal-pajjiż magħhom.

Clyde Puli qal li l-partit niżżel l-età tat-tesseramenti għal 14-il sena u qed jassigura li tal-inqas 14-il membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-partit ikunu żgħażagħ biex ikompli jagħmel mill-Partit Nazzjonalista partit żagħżugħ.

Il-Laqgħa tmexxiet minn Mark Anthony Sammut il-President tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.