Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, ħeġġet lid-deputati Konservattivi fil-House of Commons biex iwarrbu l-‘preferenzi personali’ u jappoġġaw il-ftehim għall-Brexit fil-Parlament.
Theresa May, permezz ta’ ittra lit-317-il deputat tat-Tories, wissiet li ‘l-Istorja se tgħaddihom kollha mill-ġudizzju’ dwar kif huma jieħdu ħsieb il-Brexit u meta hi qed tiffaċċja oppożizzjoni kontinwa fost id-deputati tal-partit tagħha, li ħafna minnhom ma appoġġjawhiex fl-aħħar vot mitluf fil-House of Commons.
Il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni qed jgħid li l-Partit Konservattiv mhux se jsib l-għaqda bil-għan li jappoġġja l-pjan għall-Brexit li May kienet waslet għalih mal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, il-Laburisti qed jgħidu li l-uniku mod kif ftehim jista’ jgħaddi se jkun permezz ta’ negozjati bejn il-partiti fil-Parlament.
Filwaqt li r-Renju Unit qed iħejji biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Marzu, Theresa May ma irnexxilhiex tikkonvinċi lill-maġġoranza tad-deputati biex jappoġġjaw il-ftehim għall-Brexit li hi kien irnexxielha tilħaq mal-UE, is-sena l-oħra.
F’każ li l-Parlament ta’ Londra ma japprovax ftehim formali, hemm inkwiet kbir li – wara l-Brexit – jirriżulta l-kaos fil-portijiet, kif ukoll għall-oqsma kummerċjali tar-Renji Unit.
Sadanittant, Tobias Ellwood, is-Sotto-Segretarju mal-Ministeru tad-Difiża, sar l-ewwel uffiċjal ministerjali li ddikjara ‘ir-rieda biex jirribelli kontra l-Gvern’ f’każ li l-Prim Ministru May ma tirrifjutax għal sitwazzjoni fejn ma jintlaħaqx ftehim ma’ Brussell (f’sitwazzjoni ta’ no-deal Brexit).
Theresa May, din il-ġimgħa, tirritorna Brussell biex tiltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropean Jean-Claude Juncker, u meta hi għadha qed tfittex il-bidliet għall-ftehim.
May, intant, se tiddiskuti s-sitwazzjoni mal-mexxejja tal-Istati-membri kollha tal-UE fil-jiem li ġejjin, fost l-impenji għall-bidliet fl-hekk-imsejjaħ backstop – il-politika ta’ assikurazzjoni intiża biex tevita fruntiera bil-kontrolli riġidi bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża, wara l-Brexit.
Filwaqt li l-membri tal-Partit Konservattiv fil-Gvern jinkwetaw li r-Renju Unit se jibqa’ xorta waħda ‘konness’ mal-UE għal ħafna snin – u mingħajr ma jirnexxilu jtemm l-assoċjazzjoni b’mod unilaterali – il-Mexxejja tal-UE insistew kemm-il darba li l-ftehim għall-Brexit attwali mhux se jerġa’ jkun suġġett għal negozjati.
L-Avukat Ġenerali Geoffrey Cox wissa li f’każ li ma jwasslu mkien it-taħditiet kummerċjali dwar Brexit, il-backstop jimpenja lir-Renju Unit biex iżomm mar-regoli doganali tal-UE. Hu, fil-jiem li jmiss, mistenni jagħti diskors fejn jelenka l-bidliet meħtieġa għat-‘tneħħija ta’ dik il-klawsola’.
Dan meta s-Segretarju Britanniku għall-Brexit, Stephen Barclay, qed iħejji biex jiltaqa’ ma’ Michel Barnier, in-negozjatur tal-UE dwar il-Brexit, ħalli jiddiskutu l-politika kontroversjali għall-backstop.
//= $special ?>

