Lokali

“Flimkien għal pajjiżna, inkomplu ndawru l-isfidi f’opportunitajiet għall-PN” – Clyde Puli

Intervista fuq il-mument flimken mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli

“Jekk l-2018 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ ħidma u impenn għat-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista li fiha nkisbu suċċessi u kisbiet mill-aktar sinifikattivi u importanti, issa rridu li anki matul din it-tieni sena ta’ ħidma wkoll nibqgħu naħdmu b’mod qawwi ħalli nissoktaw indawru l-isfidi li jkollna quddiemna f’opportunitajiet għall-Partit Nazzjonalista.”

Din kienet id-dikjarazzjoni li għamel Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista li għamiltlu f’dawn il-jiem b’rabta mal-Kunsill Ġenerali Amministrattiv li se jkun qed jiltaqa’ mil-lum sa bħal-lum tmint ijiem biex filwaqt li jagħmel stock-take tal-ħidma kollha li saret mill-Partit tul is-sena li għaddiet, ikun qiegħed ukoll iħares ‘il quddiem lejn is-sena ta’ xogħol li għadna kemm bdejna u li tinkludi wkoll żewġ elezzjonijiet importanti f’Mejju li ġej. It-tema ta’ dan il-Kunsill Ġenerali hi ‘Flimkien għal Pajjiżna’.

Clyde Puli beda biex qal li għat-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista, l-2018 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ ħidma. “Matulha u għal li ġej, qed naħdmu flimkien mal-attivisti u l-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba biex nerġgħu nagħmlu lill-Partit Nazzjonalista l-għażla naturali għal Gvern serju li jfittex il-ġid tal-ħafna, mhux tal-ftit.”

Hu qal li l-2018 kienet sena ta’ tisħiħ fl-organizzazzjoni u fil-finanzi tal-Partit. Kienet ukoll sena ta’ inizjattivi fil-Parlament u fil-Qrati Maltin biex il-Partit Nazzjonalista jiġġieled il-korruzzjoni anke mill-Oppożizzjoni, iħares l-interessi tal-poplu Malti, ikun il-vuċi tal-vulnerabbli biex jibni soċjetà li jimpurtaha u li jinvesti f’ekonomija ta’ livell u fi kwalità ta’ ħajja aħjar.

Clyde Puli fakkar kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fforma Shadow Cabinet b’ħafna oqsma għalkollox ġodda ta’ policy bħall-governanza tajba, l-inizjattivi ambjentali, is-saħħa mentali, il-ġlieda kontra l-obeżità, id-dijabete u d-dimenzja, is-suq tal-proprjetà, il-midja, il-ġlieda kontra l-faqar, kontra s-solitudni u kontra d-dipendenzi, id-drittijiet tat-tfal, il-volontarjat, is-socjetà ċivili, il-ħiliet għas-seklu 21 u l-innovazzjoni ekonomika u l-identità nazzjonali.

Mistoqsi dwar id-dokumenti ġodda ta’ policy maħruġa mill-Partit Nazzjonalista matul ix-xhur li għaddew, Clyde Puli qal li “Iva, qed inġeddu l-ħsieb u l-azzjoni tal-Partit Nazzjonalista ħalli l-Partit jaġġorna l-politika tiegħu għar-realtajiet ġodda li għaddejja minnhom is-soċjetà tagħna. Qegħdin kontinwament inniedu dokumenti ġodda ta’ policy fosthom dwar il-ħaddiema, l-ekonomija, l-isport, il-volontarjat u l-Kunsilli Lokali.”

Hu fakkar ukoll kif matul is-sena l-oħra l-Partit Nazzjonalista iddefenda bil-qawwa valur ewlieni tagħna: id-dinjità tal-ħajja mill-ewwel mumenti tagħha. “Għalhekk ma għamilna ebda kompromess ma’ dan il-prinċipju fil-voti tagħna fil-Parlament.”

Hu kompla li sadattant il-Partit Nazzjonalista din is-sena kixef il-pjan ekonomiku veru tal-Gvern Laburista: żieda qawwija fil-popolazzjoni għax mhux kapaċi jkabbar l-ekonomija kif għamlu l-Gvernijiet Nazzjonalisti bil-ħila tal-Maltin u l-Għawdxin. Identifikajna wkoll il-bżonn ta’ pjan serju biex jilqa’ għall-effetti taż-żieda fil-popolazzjoni.

Mistoqsi dwar kemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hu qrib in-nies, Clyde Puli qal li Adrian Delia qiegħed il-ħin kollu qrib in-nies biex jassigura li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsib l-għeruq tiegħu. Hu jagħmel sigħat twal ta’ żjarat fost il-familji, fil-postijiet tax-xogħol u qalb diversi soċjetajiet fl-ibliet u fl-irħula tagħna.

“Qed naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibda jikber u jissaħħaħ billi jkollu d-Dar Ċentrali tiegħu miftuħa għal kulħadd b’ħafna laqgħat tan-nies mal-Kelliema u l-Kap tal-Partit. Qed nagħmlu ħafna aktar laqgħat lokali u distrettwali bil-parteċipazzjoni tal-attivisti li qed ikollhom sehem ferm aktar fit-tfassil tal-policies tal-Partit.”

Hawnhekk tkellimna dwar il-midja tal-Partit u Clyde Puli qal li “Qed insaħħu l-midja tal-Partit Nazzjonalista biex tilħaq aktar nies. Dan qed nagħmluh billi qed ninvestu f’teknoloġiji, apparat, sistemi u metodi ġodda. Nidejna skeda ġdida ta’ programmi fuq NET TV u NET FM li qed jiġbdu udjenzi ġodda. Onorajna lil dawk li taw sehemhom f’NET TV sa mit-twaqqif tiegħu.”

Lura għal ħidmet il-Partit fil-kamp politiku, fosthom b’inizjattiva fil-Qrati kontra l-korruzzjoni tal-Vitals, Clyde Puli fisser li: “Qed niġġieldu bil-qawwa l-korruzzjoni li tikkaratterizza l-Gvern Laburista, issa b’aktar konferma bil-fatti mikxufin ġodda dwar 17 Black.

Il-Kap tal-Partit, Adrian Delia, personalment bħala deputat fetaħ kawża fil-Qrati Maltin biex l-isptarijiet pubbliċi li l-Gvern ta lil Vitals – kumpanija li ħadd ma jaf ta’ min hi – jerġgħu f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Kap tal-Partit għamel kawża biex ikollu r-rapport sħiħ tal-inkjesta dwar Egrant li l-Gvern qed jaħbi.”

Mistoqsi dwar il-ħidma qawwija favur setturi li qed ibatu mill-politika tal-Gvern Laburista, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fisser li l-Partit qed jaħdem:

• favur il-ħaddiema li qed ibatu mill-pagi baxxi bil-politika taċ-cheap labour
• favur l-anzjani li qed ibatu minn pensjonijiet baxxi
• favur min jikri ħalli jingħata għajnuna biex ilaħħaq mal-kera u jsiru proġetti ta’ housing soċjali
• favur in-negozji żgħar li qed isibuha diffiċli jissellfu
• favur il-konsumaturi li qed ibatu minħabba prezzijiet għaljin fi prodotti essenzjali bħall-ikel
favur il-familji li qed jinsterqu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma
• favur il-ħaddiema li l-Gvern Laburista qed jittrattahom ħażin, fosthom l-għalliema, il-fiżjoterapisti, is-social workers, l-infermiera, l-istaff akkademiku tal-MCAST, l-ispiżjara, it-tobba u l-psikoloġi li jaħdmu mal- Gvern.

Id-diskors hawnhekk waqa’ fuq il-finanzi tal-Partit u Clyde Puli qal li t-tmexxija l-ġdida wirtet sitwazzjoni tassew diffiċli f’dan ir-rigward iżda tul is-sena li għaddiet komplew jittieħdu aktar inizjattivi biex is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit issaħħet.
“Qed insaħħu l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Organizzajna erba’ maratoni li fihom nies minn firxa wiesgħa tas-soċjetà tagħna taw donazzjonijiet rekord lill-Partit: €1,544,965.”

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista kellu dħul aqwa grazzi għall-fatt li għamel użu aħjar mill-proprjetajiet tiegħu.
“Qed naraw li l-uffiċċji tagħna fl-ibliet u l-irħula – u li huma kollha proprjetà tal-Partit bil-għaqal ta’ min ħadem biex jinxtraw – jirrendu aktar billi nikkummerċjalizzawhom bla ma jkollna bżonn inbigħuhom.”

Mistoqsi dwar it-tesserament fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li kien hemm żieda sabiħa ta’ 1,700 tesserat ġdid matul it-tnax-il xahar li għaddew.

“Qed inwessgħu s-sħubija tal-Partit Nazzjonalista biex inkomplu nagħmluh dejjem aktar partit tan-nies. It-tesserament fil-Partit bħalissa hu l-ogħla li qatt kien fl-aħħar 13-il sena u fl-2018 issieħbu għall-ewwel darba 1,700 tesserat ġdid. Qed nagħmluha aktar faċli biex wieħed jissieħeb u l-Kumitati Sezzjonali qed jieħdu inizjattivi qawwijin għat-tesserament.”

Dwar il-ħidma importanti li qed issir fi ħdan l-ELCOM, Clyde Puli qal li “Qed nagħmlu ħidma qawwija biex ma jkunx hemm qerq fil-proċess elettorali kollu, mir-reġistrazzjoni tal-votanti sal-għadd tal-voti. Individwajna fejn jista’ jsir qerq bis-sistema elettronika tal-għadd tal-voti u qed ikollna l-għajnuna ta’ ħafna voluntieri ġenerużi fil-proċess elettorali. Qed nippreparaw bis-sħiħ għall-appuntamenti elettorali ta’ Mejju 2019.”

Tkellimna wkoll dwar l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej u Clyde Puli qal li qed napprovaw għadd kbir ta’ kandidati tal-Partit għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar il-pajjiż kollu u tal-Parlament Ewropew.

“Sadattant qed nagħmlu lill-Partit Nazzjonalista partit żagħżugħ. Bil-programm Future Leaders qed inħarrġu għadd sabiħ ta’ żgħażagħ ġenerużi biex ikunu fil-qalba tal-ħidma ta’ partit mimli ideat u enerġija biex iwettaqhom.

“Din is-sena – l-2019 – se nkunu qed naħdmu aktar biex fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista jerġa’ juri li hu l-għażla tal-futur,” temm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.