Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, ikkundanna l-abbuż anti-Semitiku li grupp ta’ dimostranti mal-moviment ‘tal-ġgieget sofor’ indirizzaw lejn intellettwali prominenti waqt l-aħħar azzjonijiet f’Pariġi. Il-Pulizija intervjenew biex jipproteġu lill-filosfu, Alain Finkielkraut, wara li dan spiċċa insulentat bl-aħrax dwar in-nisel Lhudi tiegħu – b’Macron jinsisti li attakki ta’ dan it-tip mhumiex se jkunu ttollerati.
Il-prosekuturi qegħdin jindagaw l-inċident ‘li jwaqqa’ għalkollox is-sens tal-inklużjoni li jikkaratterizza l-ispirtu tal-Franċiżi’ waqt li l-Ministeru għall-Intern Franċiż sostna li l-awtoritajiet ‘identifikaw suspettat li allegatament mexxa l-attakk fuq il-filosfu’.
Għexieren ta’ eluf ħadu sehem mill-ġdid fl-aħħar protesti kontra l-Gvern Franċiż, fi tmiem il-ġimgħa u fejn il-Pulizija użat il-gass tad-dmugħ biex tikkontrolla lill-folol.
Din kienet l-erbatax-il darba li d-dimostranti tal-‘ġgieget sofor’ ħarġu jipprotestaw fit-toroq fi tmiem il-ġimgħa u fejn xi individwi li kienu qed jieħdu sehem f’marċ avviċinaw lil Finkielkraut, li spiċċa vittma ta’ ‘assalt verbali’.
L-intellettwali, wara, qal lill-istampa li ‘ħassu l-mira ta’ mibegħda assoluta’ u li s-sitwazzjoni għalih setgħet spiċċat ħafna agħar li kieku l-pulizija ma marrux malajr fuq il-post. Finkielkraut, iżda, sostna li mhux id-dimostranti kollha kienu aggressivi fil-konfront tiegħu meta hu, qabel, kien ikkritika lill-moviment tal-‘ġgieget sofor’.
Fl-aħħar sigħat, il-President Macron tkellem ma’ Finkielkraut bit-telefon biex joffrilu l-appoġġ, bl-aħħar inċident iseħħ wara li l-Ministru għall-Intern Franċiż, Christophe Castaner, wissa li l-‘anti-semitiżmu qed jinfirex fi Franza bħall-velenu’, fost sensiela ta’ inċidenti kontra l-Lhud li seħħew fl-aħħar jiem fiċ-ċentru ta’ Pariġi.
//= $special ?>

