Għawdex Lokali

Għawdex jibqa’ għal qalb il-Partit Nazzjonalista – Adrian Delia

Għawdex jibqa’ għal qalb il-Partit Nazzjonalista. U se jkompli jaħdem biex l-Għawdxin jgħixu ħajja aħjar.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt l-Ikla tradizzjonali tal-Ħbieb, li kienet organizzata mill-Kumitat Reġjonali fil-lukanda Grand Hotel, fl-Imġarr Għawdex.

Din l-attività hi mistennija fost l-Għawdxin, li jkollhom l-opportunità jiltaqgħu b’mod informali mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jara li t-tħassib tal-Għawdxin jiġi indirizzat. Fost l-oħrajn, il-problema tal-konnettività, iżda wkoll il-biża’ ta’ x’servizz mediku se jsibu ma’ wiċċhom jekk ikollhom bżonn jidħlu għall-kura fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fid-diversi drabi li għadda ħin idur fost l-Għawdxin innota kif dawn jibżgħu jmorru f’dan l-Isptar għall-kura, ladarba dan m’għadux f’idejn il-Gvern Malti.

Fakkar kif bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien għalhekk li hu stess mar fil-Qorti biex jitlob li tliet Sptarijiet Pubbliċi fil-gżejjer tagħna jirritornaw lura għand il-poplu … xi ħaġa li Muscat u sħabu qed ikomplu jkaxkru saqajhom biex jagħmlu.

Adrian Delia kompla li għandna naraw li f’din il-gżira, il-kriminalità tkompli tiġi mrażżna, filwaqt li s-servizzi Edukattivi jissaħħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lil Muscat u l-Gvern Laburista biex ikompli ma’ dak li għamel Lawrence Gonzi u jara li jkunu ddedikati 10 fil-mija mill-Budget Ewropew li jmiss għal Għawdex.