Lokali

Gvern Laburista ser jitfa’ ankè lill-istudenti taż-Żejtun f’kontejners

Ix-xogħol fl-iskola sekondarja taż-Żejtun tant waqa’ b’lura li l-Ministeru tal-Edukazzjoni mmexxi minn Evarist Bartolo se jkollu jirrikorri anke hawn għal containers biex jintużaw mill-edukaturi u l-istudenti.

Dan joħroġ mill-Parlament, meta l-Ministru Evarist Bartolo kien qed jirrispondi għal mistoqsijiet li sarulu mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-edukazzjoni, Clyde Puli.

Fir-risposta tiegħu, il-Ministru Bartolo ddikjara li għalkemm s’issa mhux jintużaw dawn il-kontejners, hu ppjanat li jibda l-użu tagħhom waqt li fl-iskola jkun għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.

Mis-sena skolastika 2015/16 sas-sena skolastika li għaddiet, l-iskola sekondarja taż-Żejtun rat żieda ta’ 18% fl-istudenti tagħha, biex l-aħħar ċifri juru li kienet tilqa’ 756 student.

F’kummenti lil Net News xi jiem ilu, il-Ministru Evarist Bartolo kkonferma li x-xogħol waqa’ lura b’xhur u saħansitra wera li m’għandux soluzzjoni ħlief li jagħmel pressjoni fuq il-kuntratturi.

L-użu tal-kontejners bħala klassijiet jidher li hi l-miżura ta’ emerġenza ta’ dan il-gvern, li diġa’ qed jużaha fost oħrajn fl-iskola ta’ San pawl il-Baħar.

Mossa li tixhed kif il-Gvern ma ppjanax biex jilqa’ għat-tkabbir tal-popolazzjoni, f’deċiżjoni politika li poġġiet is-settur tal-edukazzjoni fi kriżi