Il-ġellieda appoġġjati mill-Istati Uniti huma ‘viċin ħafna’ li jaħftu kontroll tal-aħħar fortizza tal-ISIS fiz-zona tax-Xmara Ewfrati. Filwaqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, tkellem dwar ‘rebħa mija fil-mija fuq it-terroristi’ kollox kien qed jindika li l-‘kalifat’ li ħabbru l-ISIS xi snin ilu (u li kellu jkopri territorji sħaħ tas-Sirja u l-Iraq) kien jinsab f’xifer ta’ kroll totali.
L-aħħar rapporti qalu li l-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDF) ‘iċċirkondaw u iżolaw’ lit-terroristi tal-ISIS li kien fadal fil-villaġġ ta’ Baghouz, qrib il-fruntiera tal-Iraq. Dan meta t-terroristi kienu taħt assedju ‘minn kull direzzjoni’ u fejn l-eliminazzjoni tagħhom kellha tkun biss ‘kwistjoni ta’ ħin’.
Jiya Furat, li jikkmanda lill-qawwiet anti-ISIS, kien fiduċjuż li ‘dalwaqt joħorġu bl-aħjar li l-ISIS se jkun spiċċa bħala theddida militari’. Dan wara li Donald Trump kien qal, fi tmiem il-ġimgħa, li ‘hu kien qed jistenna żviluppi kbar u importanti dwar is-Sirja’.
Il-President Amerikan ukoll qal li l-‘kalifat (tal-ISIS) wasal fi tmiemu’ u li l-Istati Uniti qed titlob lill-alleati Ewropej biex jieħdu lura ’l fuq minn 800 ġellied tal-ISIS li nqabdu fis-Sirja u jipproċessawhom fil-qrati. It-talba hi indirizzata lir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja fost oħrajn, bi Trump jgħid li ‘l-alternattiva – jiġifieri li l-militanti inkwistjoni jispiċċaw jiġru ħielsa – m’għandhiex tkun waħda tajba’.
L-Istati Uniti għandha twaqqaf il-kampanja kontra l-ISIS fis-Sirja ladarba taċċerta ‘mir-rebħa mija fil-mija’. Sadanittant, Trump qal li ma jridx jara sitwazzjoni fejn il-ġellieda tal-ISIS jiċċirkolaw mill-ġdid fl-Istati tal-Ewropa u qed jistenna li ‘il-pajjiżi Ewropej jaċċertaw, kif inhuma kapaċi, li dawn il-militanti jitressqu għall-ġustizzja’.
Il-President Amerikan se jirtira lill-qawwiet ta’ pajjiżu mill-artijiet Sirjani ladarba tkun eliminata t-theddida tal-ISIS. Dan qed iqajjem id-dubji dwar id-destin tal-Kurdi alleati ma’ Washington, kif ukoll dwar l-involviment tat-Turkija fiz-zoni lejn il-grigal tas-Sirja.
Filwaqt li l-qawwiet tal-SDF, fl-aħħar jiem avvanzaw fuq l-aħħar militanti tal-ISIS, numru sostanzjali ta’ ċivili ħarbu mill-ftit artijiet li baqgħu jiffurmaw ‘il-kalifat’, l-istess bħal numru ta’ ġiħadisti li ppruvaw ‘jitħalltu maċ-ċivili biex ma jintgħarfux’.
Sadanittant, it-tmiem tal-‘amministrazzjoni territorjali’ min-naħa tal-ISIS jista’ jitqies bħala mitmum avolja qegħdin jispuntaw xi gruppi ta’ reżistenza minn żmien għal żmien u oħrajn terroristiċi li jaħdmu ‘taħt l-art’ biex iwettqu attakki ġodda fl-ibliet tal-Iraq.
//= $special ?>

