Lokali

Il-PN qed iwiegħed Għawdex reġjun biex l-Għawdxin jiddeċiedu huma u mhux jiġu mwegħda u injorati

“Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed Għawdex reġjun biex l-Għawdxin jiddeċiedu huma u mhux jiġu mwegħda u injorati.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza sessjoni speċjali f’Għawdex li nediet il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjoanlista jrid jagħti lill-Għawex l-istat ta’ gżira reġjun fil-kostituzzjoni ta’ Malta biex l-Għawdxin jingħataw poteri eżekuttivi biex jiddeċiedu huma dwar Għawdex. Huwa qal li Gvern Laburista wiegħed ħafna lill-Għawdxin u s’issa baqa’ ma wettaq xejn. Huwa spejga kif proġetti mwegħda mill-Gvern Laburista għal diversi drabi bħall-cruise liner terminal, il-yacht marina ġdida, binja gdida għall-Qorti u skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex li suppost ilha lesta mill-2015.

Adrian Delia qal li l-Għawdxin għandhom bżonn ta’ investiment serju fil-konnettività biex ma jinqatgħux mill-kumplament ta’ Malta. Il-Gvern Laburista ma għamel xejn ħlief biex itaffi mill-insularità doppja ta’ Għawdex u minflok neħħa s-servizz ta’ vapur għall-merkanzija minn Sa Maison, baqa’ ma investiex fir-raba’ vapur, u ma daħħalx il-fast ferry service. Huwa qal li l-Gvern issa qiegħed iwiegħed mina bejn Malta u Għawdex li għandha tal-inqas tmien snin oħra biex tinbena, filwaqt li staqsa kif se tissolva l-problema ta’ konnettività sakemm tkun lesta. Dr Delia saħaq dwar il-bżonn ta’ konsultazzjoni serja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-saħħa tal-Għawdxin u qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jistenna aktar imwiet qabel jieħu azzjoni konkreta fuq l-isptar ta’ Għawdex. Adrian Delia qal li l-Gvern biegħ l-uniku sptar ta’ Għawdex mingħajr ma ta kas il-bżonnijiet tal-Għawdxin.

Adrian Delia saħaq dwar il-bżon ta’ viżjoni ħolistika għal Għawdex bi pjan soċjo-ekonomiku li joffri miżuri għaż-żmien qasir medju u fit-tul.