Lokali

Kundanna lill-Gvern mill-qalb ta’ Laburist ġenwin

Sammy Meilaq jgħid li l-Gvern Laburista qed ifalli bil-kbir

“Li hawn nies bla dar huwa falliment, li hawn nies jgħixu fil-faqar huwa falliment ieħor”

Dan mhux il-kliem ta’ xi Nazzjonalist jew ta’ xi persuna li għandha interess li tattakka lill-Gvern Laburista.

Dan huwa l-kliem ta’ Bormliż, ex tarznar li baqa’ spalla ma’ spalla mal-ħaddiem sal-aħħar ġurnata tax-xogħol tiegħu. Raġel li ħadem qatigħ għad-drittijiet tal-ħaddiem.
Sammy Meilaq magħruf għall-ħbiberija kbira li kellu ma Duminku Mintoff.

F’intervista li dehret fuq il-ġurnal Illum, Meilaq jitkellem dwar il-falliment ta’ dan il-Gvern fil-qasam tad-djar u dwar il-faqar li qiegħed kull ma jmur jiżdied. Hu jitkellem dwar ‘falliment soċjali u industrijali’ mill-Gvern ta’ Muscat. Sammy Meilaq jgħid ukoll li llum hawn problema ġdida li hija l’working poor’ – jiġifieri persuni li jaħdmu iżda li xorta waħda mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.

Hu jitkellem dwar il-problema li kellu Mintoff fil-qasam tal-housing u li kien irnexxielu jsolviha, u jżid jghid li l-Gvern irid jagħmel ħafna iktar f’dan il-qasam.

Tul l-intervista, Meilaq sostna li qatt daqs illum ma kien hawn xogħol prekarju f’pajjiżna, u saħansitra jsemmi l-fatt li l-barranin qed jinġiebu bħala ‘cheap labour’ u li eventwalment dan qed iħalli impatt negattiv fuq il-pagi tal-Maltin.

Meilaq stqarr li mhux vera li l-Maltin ma jridux jagħmlu ċertu xogħol, iżda li l-ħaddiem Malti jiġġieled biex jaħdem dment li jkollu kundizzjonijet aċċettabbli. Xi ħaġa li ħaddiema barranin forsi ma jiġġieldux daqstant għaliha.

Mistoqsi jagħmel paragun bejn Duminku Mintoff u Joseph Muscat, Sammy Meilaq qal li “Muscat għadu ma laħaqx il-livell ta’ politika soċjali ta’ Mintoff”.

Din ta’ Meilaq hija l-aktar kundanna riċenti lill-Gvern ta’ Muscat minn persuni mill-qalba tal-partit, fosthom Yana Mintoff Bland li kienet għamlet kudanna simili ftit tax-xhur ilu.