Internazzjonali

L-Iran: ‘Huwa kbir’ is-sogru ta’ gwerra ma’ Iżrael

Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, akkuża lil Iżrael ‘li qed ifittex l-iskużi biex jidħol fi gwerra ma’ pajjiżu’. Zarif, fl-istess ħin, sostna li l-Istati Uniti qed iżżid il-potenzjal għal xi konfront armat fir-reġjun tiegħu.

Meta kien qed jindirizza lill-Konferenza tas-Sigurtà fi Munich, il-Ġermanja, Zarif aċċenna għall-fatt li ‘xi Stati qegħdin ifittxu l-gwerra’ filwaqt li, f’dan il-kuntest, hu rrefera speċifikament għal Iżrael.

Il-Ministru Iranjan, imbagħad, akkuża lill-Iżraeljani dwar abbuż tal-liġi internazzjonali wara l-aħħar kampanji (li kienu jinvolvu l-bumbardamenti) tal-militar Iżraeljan fil-konfront tas-Sirja. Intant, Zarif ikkritika wkoll lill-potenzi tal-Ewropa talli huma ma ‘indirizzawx lil Iżrael u l-Istati Uniti fir-rigward tal-atteġġjament aggressiv li qegħdin juru fir-reġjun partikulari’.

Javad Zarif qal li ‘is-sogru ta’ gwerra (bejn l-Iran u Iżrael) hu kbir u se jkompli jikber jekk il-komunità internazzjonali, inkluża l-Ewropa, tkompli ddawwar wiċċha lil hinn kulmeta jsiru l-abbużi serji tal-liġi internazzjonali’.

Skont Zarif, l-azzjonijiet min-naħa ta’ Iżrael u l-Istati Uniti qegħdin isiru bi sfida diretta lil-liġi internazzjonali – bi kliem il-Ministru mistennija jżidu mat-tensjoni diġà akuta li teżisti bejn ir-reġim Iżlamiku f’Tehran u Iżrael.

Fl-istess ħin, il-Ministru Iranjan, waqt il-konferenza fi Munich, akkuża lil Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit talli, skont hu, ‘ma għamlux biżżejjed’ biex jaċċertaw li l-Iran jirċievi l-benefiċċji ekonomiċi relatati mal-ftehim nukleari storiku tal-2015 bejn Tehran u l-potenzi tad-dinja.

Madankollu, Javad Zarif ried jagħmilha ċara li l-Iran, ‘għalissa’, hu impenjat biex jirrispetta dan il-ftehim mal-potenzi.