Lokali

Muscat mhux jagħti kas x’qed jgħidu l-Għawdxin

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ħabbar l-ebda proċess ta’ konsultazzjoni mal-Għawdxin dwar il-mina li ser tgħaqqad il-Malta u Għawdex.

F’attività ġewwa ċ-Ċentru Laburista fir-Rabat, Għawdex, Joseph Muscat sostna li l-aktar ħaġa ideali għal Għawdxin hija l-mina li ser taqsam il-fliegu.

Madanakollu jidher li qed jonqos milli jikkonsulta l-poplu Għawdxi dwar xi jrid minn dan kollu.

Muscat qal li l-ekonomija ta’ Malta qed tgħaġġel wisq u l-pajjiż qisu karrozza antika li mhux tlaħħaq magħha. Dan qalu bħala skuża għalxiex irid li jkompli jiżdied il-bini bla rażan – kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex

Huwa qal li l-gżira Għawdxija ma tistax tibqa’ tinżamm f’bozza iżda trid tizdied l-infrastruttura. Huwa saħaq li jrid jibqa’ jattira aktar barranin fil-gżira Għawdxija iżda ma qal xejn li dan se jwassal sabiex jiżdied influss aktar qawwi ta’ nies fejn sussegwentament jirriżulta f’aktar bini u vetturi fit-toroq.

Madanakollu falla milli jindirizza l-kwistjoni tal-housing soċjali – dan minkejja stħarriġ imwettaq mill-MaltaToday li wera biċ-ċar il-falliment tal-Gvern Laburista fl-akkomodazzjoni soċjali. F’pajjiżna preżentament hawn mill-inqas 300 jgħixu fil-karozzi u 27 persuna li qed jgħixu barra fit-triq. Magħhom qed jiżdiedu l-mijiet li jgħixu f’garaxxijiet. B’kollox hemm ‘il fuq minn 3,200 persuna li qed jistennew akkomodazzjoni mingħand il-Gvern.

Dan filwaqt li bil-prezz tal-proprjetà jilħaq prezzijiet li familja medja li tgħix f’Malta żgur ma tistax tlaħħaq magħhom – żied l-influss qawwi ta’ familji li qed ikollhom imorru jgħixu Għawdex.

Joseph Muscat evita għal kollox is-suġġett tal-iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex – li ilha tiġi mwegħda mill-leġiżlatura li għaddiet – proġett li t-tlestija tiegħu ilu żmien twil jiġi pospost.

Wisq aktar agħar minn hekk, bħal xena surreali, wara ġimgħa nisimgħu fuq l-aħabrijiet kemm lokali kif ukoll dawk internazzjonali – Joseph Muscat ma lissen xejn dwar l-iskandlu tat-tonn.