Lokali

Robert Abela jistħi jgħid jekk jaqbilx ma’ President mhux mill-kamp Laburista

L-esk Deputat Mexxej tal-Partit Laburista George Abela, kien ġie appuntat President ta’ Malta mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fi żmien Gvern Nazzjonalista

It-tifel tal-President Emeritus George Abela, id-Deputat Laburista Robert Abela li jgawdi wkoll minn konsulenza legali f’Kastilja bi dħul ta’ eluf ta’ ewro, qed jistħi jgħid jekk jaqbilx mal-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li l-President ta’ Malta li jmiss m’għandux jiġi appuntat mill-kamp Laburista.

It-tensjoni bejn Robert Abela u ta’ Kastilja eskalat fil-jiem li għaddew hekk kif numru sinifikanti ta’ attivisti Laburisti qed jistaqsuh x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħatra ta’ President minflok Marie-Louise Coleiro Preca.

Robert Abela jaf tajjeb li huma ta’ Kastilja li qed jistaduh biex iġibuh daharu mal-ħajt minħabba li missieru, l-esk Deputat Mexxej tal-Partit Laburista George Abela, kien ġie appuntat President ta’ Malta mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fi żmien Gvern Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella biex Joseph Muscat jagħmel dak li hu xieraq kif kien għamel Lawrence Gonzi u jappunta President li mhux ġej mill-kamp Laburista. Saħansitra ġie rappurtat li Adrian Delia propona lil Lawrence Gonzi, Louis Galea jew Tonio Borg bħala tliet politiċi idonji għal kariga ta’ President.

Iżda ta’ Kastilja qed jinqdew b’din is-sitwazzjoni biex jimbarazzaw lil Robert Abela għax jafu li għandu ambizzjoni li jieħu post Joseph Muscat meta fl-aħħar ta’ din is-sena jitlaq minn mexxej Laburista.

Biex jevita li jwieġeb u fl-istess waqt jagħti gambetta lura lil ta’ Kastilja, Roberta Abela mar fuq l-attakk u f’diskors imqanqal fil-jiem li għaddew wissa lil ta’ Kastilja biex jibżgħu għal-Laburisti u ma jibqgħux jeħduhom ‘forgranted’. Kundanna iebsa għal ta’ Kastilja li ħasbu li se jistaduh meta għad ġmielu ta’ Laburisti bdew jistaqsu lil Robert Abela x’pożizzjoni għandu dwar il-ħatra ta’ President.
“Għax hu l-Partit li fl-aħħar mill-aħħar hu tagħna. Huma l-Laburisti li fl-aħħar mill-aħħar huma tagħna. U għalhekk irridu nibżgħu għan-nies tagħna u dan il-messaġġ se nibqa’ nwasslu b’mod konsistenti,” qal id-Deputat Laburista Robert Abela bi tweġiba għal gambetti ta’ Kastilja.

F’dan id-diskors imqanqal tiegħu, id-Deputat Laburista kompla jinsisti: “Ejjew nibżgħu għan-nies tagħna. Ejjew nibżgħu għal-Laburisti. Għal dawk li dejjem kienu hemm u li dejjem emmnu fl-ideal Laburista. Dawn tul is-snin kienu hemm u qatt ma pretendew xejn lura.U ma kenux hemm fiż-żminijiet is-sbieħ biss, imma anki fiż-żminijiet id-diffiċli wkoll.”

Dan id-diskors qanqal reazzjoni immedjata u taħraq fost ħafna Laburisti bl-eks Membru Parlamentari Laburista Luciano Busuttil ikun minn tal-ewwel li jikkummenta u jgħid li dan hu kliem sabiħ. “Kont ngħidu jien. Però fil-prattika ma hux hekk.”

Ikkummenta wkoll Paul Farrugia li qal li diskors bħal dan ta’ Robert Abela lilu jweġġgħu. “Tajjeb, nibżgħu għal-laburisti li qatt ma pretendew xejn. Imbagħad jiġi xi baħri tal-bnazzi, li ok Laburist, imma fil-maltemp qagħad id-dar mal-familja, (mhux bħali l-ewwel wieħed, min jaf kemm ġrejt fix-xita, fil-bard u anke fix-xmux), jiġi xi baħri tal-bnazzi, jew xi għasfur tal-passa, li għax ra lill-Partit tiegħu f’terremot, ġie jistkenn fil-PL, u dawk jieħdu l-aqwa jobs u jiġu jikmandaw, u aħna li konna hemm dejjem, irridu mmorru għandhom għal xi bżonn u ma ninqdewx. U ħadd ma jafna!!! Tajba l-istorja Dr. Abela.”

Għal dan id-diskors irreaġixxiet Moira Catania li qalet li: Xbajt ngħidha din jien, imma l-PL ma jitgħallimx. Taħt il-PN inbatu u taħt il-PL li nappoġġja u qatt ma pretendejna xejn, ukoll. Però mhux darba f’mitt qamar li jkollok bżonn titkellem ma’ xi ħadd u jsabbtulek il-bieb f’wiċċek.
Wieġeb Glenn Camilleri li qal li: “Sfortunatament ħafna drabi min ħaqqu jibqa’ jħares filwaqt li min ġie from out of the blues qiegħed igawdi…”

Irreaġġixxa wkoll Michael Calleja li qal li jweġġa’ meta jara Laburisti jkunu mkasbra mill-Ministri u mill-Partit Laburista stess.

Edmond Rizzo qal li hi tal-mistħija kif lir-raġel tat-tifla tiegħu, wara 12-il sena pilota “m’għaddejtuhx mill-eżami.”

Reazzjoni immedjata kienet dik ta’ James Marmara li kiteb: “Ooo. Dan Joseph Muscat qalu? Għax fil-prattika l-vera bil-maqlub. Dawk li konna hemm fil-maltemp u fl-umiljazzjoni la ma ħasibx fina. Anzi tana umiljazzjoni oħra. U jaf x’jiġi jitnejjek. Aħjar nieqaf għax dal-kliem iġegħelni niżbalja.”
Kumment ieħor sar minn Mario Scerri li kiteb kif il-Partit Laburista qatt ma beża’ għal-laburisti anzi lil-laburisti dejjem ħadhom forgranted.

Tkellmet Maryrose Cutajar li qalet li min kien laburist ta’ vera dejjem qala’ bis-sieq. “Meta tlabt oġġett ta’ mard bibien magħluqa sibt. U wieħed jibgħatni għand l-ieħor u ħadd ma qdiena. Kulħadd jiġi jfittxek għall-vot u mbagħad ħadd ma jkun jafek.”

Paul Farrugia jikkritika lill-Gvern u lill-Partit li qed jafda wisq fl-għasafar tal-passa, filwaqt li warrab l-għasafar veru tiegħu.

Frank Cassar ukoll qal tiegħu: “Ma tistgħux tibqgħu tipridkaw mod u tagħmel mod ieħor. Jien għadni nistenna.”

Mark Deguara jagħmel appell biex il-Partit Laburista jibża’ għal-laburisti għax skont hu għaddejjin minn żmien diffiċli.

Joe Vella appella biex il-PL jagħti kas tal-weġgħat. “Veru qalbi kbira imma għalkollox hemm il-limiti. Min qiegħed jitkessaħ mal-laburisti għandu jitneħħa. Hu min hu.”

Fl-isfond ta’ dawn il-kummenti wara d-diskors ta’ Robert Abela, il-bilanċ juri kif il-qasma bejn il-laburisti teżisti anke jekk il-Partit Laburista jipprova jagħti l-impressjoni li mhix hemm. Fuq naħa hemm dawk ta’ Kastilja li jmexxu kollox huma u li jassiguraw li l-ftit ta’ madwarhom biss igawdu u jibqgħu sejrin tajjeb. Fuq in-naħa l-oħra hemm lista ta’ deputati dejjem tikber li qed isibuha diffiċli jiddefendu lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dan il-grupp dejjem jikber hu evidentament immexxi mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne iżda issa qed naraw ukoll lil Robert Abela jipprova jgħid tiegħu biex jiġbor ġieħu mal-laburisti.